top of page

Wieħed bħali


Fra Alan Joseph Adami O.P.

Fl-intervista ta’ din il-ġimgħa ma’ Mons. Arċisqof nisimgħu lill-Eċċellenza tiegħu jgħidilna kif is-Sagramenti huma akkumpanjament għal aktar mumenti importanti fil-ħajja tal-bniedem. Il-magħmudija, l-ewwel tqarbina, iż-żwieġ jew l-ordinazzjoni Saċerdotali.
               Ġesù offra dawn is-sinjali biex in-nisrani jagħraf il-qawwa t’Alla matul ħajtu. Wieħed minn dawn is-sinjali huwa s-Sagrament tal-Qrar. Dan is-Sagrament huwa l-akkumpanjament għal kull min jagħmel id-dnub, jiġifieri l-umanità kollha.
Fil-bidu tal-umanità kien hemm mument fejn il-bniedem irribella kontra Alla. F’dak il-mument Alla wiegħed li lil din l-Umanità mwaqqa’ jerġa’ jagħtiha sehem minn dik l-umanità bla dnub li kien hemm fil-bidu.
Dan Alla għamlu permezz ta’ Ġesù. Fl-evanġelju, nsibu diversi drabi fejn Ġesù ħafer id-dnubiet. Meta lil Ġesù jiġibulu l-mifluġ l-ewwel li jagħmel huwa li jaħriflu dnubietu, għaliex il-fejqan li Ġesù jrid joffri l-ewwel huwa dak mill-umanità mwaqqa’.
Iżda hawn nixtieq niffoka partikolarment fuq fejqan partikolari dak tal-mara l-midinba. Ġesù jkun mistieden għand wieħed Xmun fariżew. Il-fariżej kienu nies tajba iżda kienu mkabbrin għaliex kienu jafu li huma tajbin.  Ġesù jkun mistieden għall-ikel jiġifieri Xmun ikun jixtieq li jibni din ir-relazzjoni intima ma’ Ġesù. Xmun kellu xewqa li jsir jaf lil Ġesù.
Mela San Luqa jgħidilna li daħlet mara ‘midinba’, ‘magħrufa’. Għaldaqstant meta din il-mara daħlet quddiem dawk l-irġiel kollha, sfidathom u daħlet quddiem Ġesù. L-irġiel li kien hemm kienu jafu li midinba għaliex kienet magħrufa. Din bdiet tixxutalu siequ b’żejt ifuħ. Dan iż-żejt l-Evanġelju jgħidilna li kienet qiegħda ġġorru f’vażett tal-alabastru. L-alabastru huwa tip ta’ ġebel li meta jkun maħdum sewwa tkun tista tara minn ġo fih. Dan huwa simboliżmu qawwi ta’ dak li Ġesù ser jagħmel mal-mara midinba u dak li jagħmel magħna f’kull darba li nirrikorru għal dan is-sagrament. Ġesù ser iħares lejn dak li fih il-vażett ser jara ‘l hinn mill-alabastru, ser jara ‘l hinn minn dawk l-aġġettivi li tawha n-nies ‘midinba, magħrufa’.
Issa dawk li kienu hemm bdew jgħidu jistaqsu. “Dan, li kien profeta kien ikun jaf min hi, għax hi midinba!” Din l-istqarrija tal-Evanġelju ta’ Luqa trid tqanqal fil-qarrej il-mistoqsija, “Dan min hu?” Profeta m’huwiex, għaliex kieku kien ikun jaf, mela dan x’inhu?
                  U Ġesù li jerġa’ jara ‘l ġewwa, jagħraf ħsieb Xmun u jgħidu din il-parabbola. Ġesù ser ifhiem lil Xmun li huwa għaref tal-liġi bl-istess mod li jifhem il-liġi. Huwa jgħidlu li tnejn kellhom id-dejn mas-sid wieħed kellu aktar mill-ieħor. U s-sid jaħfirhomlu. Ġesù jistaqsih min minnhom ser iħobbu l-aktar? Xmun iwieġbu sewwa li dak li nħafirlu l-aktar ser iħobbu l-aktar. Imbagħad l-Evanġelju jagħtina deskrizzjoni sabiħa ħafna ta’ kif Ġesù qal il-vers li jmiss. L-Evanġelju jgħid Ġesù ħares lejn il-mara u kellem lil Xmun. B’dan ifisser li Ġesù kellu f’moħħu lit-tnejn li huma. It-tnejn kellhom bżonn il-maħfra. Id-differenza bejniethom kienet li waħda kienet aċċettat li kellha bżonn il-maħfra u talbitha u Xmun ma kienx kapaċi jitlob il-maħfra, kien imkabbar wisq. Dan Ġesù jfissru meta jgħid lil Xmun li huwa ma ttrattahx sewwa meta mar f’daru ma ħasillux riġlejh u lanqas tah bewsa, kif kienet it-tradizzjoni Lhudija. Iżda din il-mara għamlet dan kollu. “U dnubietha li kienu ħafna, nħafrulha għax ħabbet afna, imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb.” (Luqa 7:47)
                     Bejnietna għandna xi ħaġa komuni, lkoll għandna bżonn il-maħfra. U għalkemm ikun hemm ħafna min ikun jixtieq isir eqreb ma’ Ġesù mhux kulħadd ikun lest jitlob il-maħfra. Għalhekk bosta drabi ħafna nies jibqgħu ‘l bogħod mis-sagrament tal-qrar. Dawn jistgħu jkunu nies b’rieda tajba u ġenwina li jersqu lejn Ġesù iżda jekk ma jkollhomx tassew l-indiema ma jistawx ikunu maħfura.
                 L-evanġleju jagħlaq billi Ġesù jgħidilha, “Dnubietek maħfura” (ibid. 7:48) u dawk ta’ madwaru jerġgħu jistaqsu, “Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?” (ibid. 7:49) Mela profeta m’huwiex, bniedem komuni m’huwiex lanqas mela min hu? U min jista’ jaħfer id-dnubiet? Alla jista’ jaħfer id-dnubiet, mela Ġesù hu Alla. Luqa jgħaddilna dan il-messaġġ ta’ Ġesù Alla li jaħfer id-dnubiet b’mod sottili.
              Ġesù jgħaddi din il-fakultà tal-maħfra tad-dnubiet lil Appostli u lil Knisja “Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma." [Ġw:20:23] Mela meta tmur biex tistqarr dnubietek is-saċerdot ma jgħidlekx “ u jien naħfirlek dnubietek f’ismi” iżda fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu għaliex Alla biss jaħfer id-dnubiet, permezz ta’ dawk li huwa għażel.
                 Għaldaqstant is-Sagrament tar-rikonċiljazzjoni m’huwiex xi post fejn is-saċerdot għatxan biex ikun jaf fuqek joqgħod jumiljak, iżda huwa s-Sagrament fejn inti tumilja ruħek u tammetti li għadnek bżonn il-maħfra.

Alan Joseph Adami is a professed Dominican student. He is currently studying Philosophy and Classics at the University of Malta.

Is-Sagrament tar-rikonċiljazzjoni m’huwiex xi post fejn is-saċerdot għatxan biex ikun jaf fuqek joqgħod jumiljak, iżda huwa s-Sagrament fejn inti tumilja ruħek u tammetti li għadnek bżonn il-maħfra.

Alan Joseph Adami O.P.

 



 

bottom of page