top of page

​Liturġija u sbuħija


Patri Anton Farrugia OFM, SThB, SLL.

 

Introduzzjoni



Nobilem pulchritudinem: is-sbuħija nobbli li titkellem dwarha l-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II dwar il-Liturġija , huwa motiv tajjeb biex napprofondixxu r-rapport li jeżisti bejn is-sbuħija u l-liturġija. Jekk infatti minn banda r-referiment għall-Konċiju Vatikan II huwa neċessarju, minn naħa l-oħra, diskors fuq is-sbuħija u l-liturġija, jista’ jsir biss b’referiment għaċ-ċelebrazzjoni.
Min għandu ftit taż-żmien jiftakar il-bidliet kbar li ġabet magħha r-riforma liturġika mitluba mill-Konċilju Vatikan II. L-ewwel u qabel xejn ġew imġedda l-kotba liturġiċi b’żieda kbira ta’ testi bibliċi u ewkoloġiċi; ġew semplifikati r-rubriki u l-ġesti, u l-ispazji ċelebrattivi ġew determinati aħjar. Ġew ukoll imġedda l-ilbies, il-kant u l-mużika.
Minn liturġija karatterizzata minn uniformità, morna għal liturġija aktar qrib il-bniedem tal-lum, miftuħa aktar għall-addattament u għall-kulturi diversi li tesprimi Knisja-Komunjoni li tħares lejn id-diversità mhux bħala element negativ imma bħala arrikkiment ta’ l-unità.
Din il-bidla kkaratterizzat b’mod speciali l-liturġija pontifikali tal-Papa Pawlu VI li anke permezz tat-televiżjoni riedet tidher  bħala eżempju ta’ kif għandu jiċċelebra kull isqof fil-Knisja tiegħu. Hekk il-Papa beda’ jidher  mhux aktar bħala xi re imma sempliċement bħala l-isqof tal-Knisja ta’ Ruma li tmexxi fl-imħabba l-Knejjes kollha.



Is-sbuħija tal-liturġija


X’jiġifieri jkollok liturġija sabieħa? Tiggosta l-gosti tal-konsumaturi? Il-liturġija mhix konsum, mhix xi supermarket tal-Knisja! Il-liturġija hija qabel xejn opera Dei, għemil  ta’Alla li jiġi mogħti lilna b’xejn u afdat f’idejna biex aħna nfaħħruh, nadurawh u rroddulu ħajr. Tajjeb għalhekk nistaqsu x’inhuma l-kriterji fundamentali tas-sbuħija fil-liturġija lil hinn mill-gosti u l-moda. Jkun żball kbir li napplikaw għall-liturġija sempliċement il-gosti tagħna.
Biex nifmhu s-sbuħija tal-liturġija rridu nitilqu mill-kunċett ta’ Knisja li hija fi Kristu, sagrament, jiġifieri sinjal u strument ta’ l-għaqda sħiħa ma’ Alla u tax-xirka tal-bnedmin kollha.  F’dan is-sens, il-Knisja bħala sinjal, tagħmel possibli  li b’xi mod nipperċepixxu lil Kristu bħala sagrament ta’ salvazzjoni.
Is-sagramenti bħala atti tal-Knisja huma atti ta’ Kristu għaliex il-Knisja ma tagħmel xejn li l-Mulej Ġesù ma qalilix biex tagħmel u għallimha tagħmel: Agħmlu dan b’tifkira tiegħi. Is-sagramenti huma l-modalità kif Kristu jikkomunika lilna s-salvazzjoni tiegħu. Hekk meta l-Knisja tgħammed, Kristu stess ikun qed jgħammed  u l-Papa San Ljun il-Kbir jgħid li dak li kien jidher fi Kristu għadda fis-sagramenti tal-Knisja.
Il-ġesti fil-liturġija huma mportanti għaliex huma l-ġesti ta’ Ġesù. Fiċ-ċelebrazzjoni liturġika u fil-ġesti li l-liturġija tirrikjedi, l-Knisja tagħmel preżenti l-ġesti tal-Mulej Ġesù. F’dan is-sens, il-ġesti liturġiċi huma sbieħ minnhom infushom qabel dak kollu, sabieħ jew ikrah li nistgħu nżidu aħna!
Il-Vanġeli jippreżentawlna l-ġestwalità konkreta u umana ta’ Ġesù li jimxi, jbierek, imiss, ifejjaq, jerfa’ għajnejh lejn is-sema, jaqsam il-ħobż, jieħu f’idejh il-kalċi bl-inbid… Ġesti li l-liturġija tagħmel tagħha fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti mqaddsa.
Imma x’jagħmel sabieħ il-ġesti tal-Mulej Ġesù? It-tiżjin tas-sala? Il-mod ta’ kif il-mejda kienet imħejjija għall-ikla ta’ l-Għid? Ċertament dan kollu jagħmel sabieħ, imma s-sbuħija vera hija l-ġest ta’ l-imħabba salvifika ta’ Kristu għad-dixxipli tiegħu li ħabbhom għall-aħħar.
Il-Knisja hija u tirrepeti kull ġest li għamel il-Mulej Ġesù, ssibu sabieħ għax fih tagħraf il-ġest ta’ l-imħabba tiegħu għalina. Is-sens tas-sbuħija fil-liturġija qabel ma jiddependi mill-arti, jiddependi mill-imħabba tal-misteru ta’ l-Għid. F’dan is-sens, l-arti għandha bżonn tkun evanġelizzata mill-imħabba. Ċelebrazzjoni sabieħa ma tiddependix biss mill-arkittettura, mit-tiżjin, mill-kant, mill-ilbies imma minn kemm tkun kapaċi tidher bħala ġest tal- imħabba li għamel Ġesù. Dan hu l-kmandament li rċevejna mingħandu kif jistqarr l-Appostlu Misserna San Pawl: Jien irċevejt mingħand il-Mulej, it-tagħlim li għaddejt lilkom…
Il-“mandatum eucharisticum” ta’ Kristu jfakkarna li l-liturġija hija l-post privileġġat għall-qdusija tagħna lkoll, kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunità. Dan għaliex il-qdusija anke fid-dimensjoni etika tagħha m’għandiex karattru legali imma ewkaristiku. Hija risposta għal “charis” ta’ Alla manifestata fi Kristu u mmarkata mis-sens ta’ gratitudini u ferħ. Minn hawn ir-rabta profonda li hemm bejn il-liturġija, l-qdusija u s-sbuħija. Sbuħija li trid tikkaraterizza l-bini tal-knisja bħala post imdawwal, spazju ta’ ħelsien u mhux ta’ biża, ta’ simpatija aktar milli ta’ kontra posizzjoni,  spazju ta’ kondiviżjoni  u solidarjetà, speċjalment mal-ifqar fost il-fqar. Din is-sbuħija trid tidher fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, fl-ispazji ċelebrativi tagħha imma l-aktar fil-persuni, l-ġebel ħaj li jagħmel il-Knisja.



Ġest, kelma, żmien, spazju u ordni


Jekk il-qdusija hija sbuħija fiha nnifisha, l-liturġija bħala azzjoni hija l-għemil qaddis tal-Knisja u fiha ta’ kull nisrani, għemil sabieħ li jsir ġest, kelma, żmien, spazju u ordni.
Fil-liturġija, kull ġest huwa dejjem akkumpanjat mill-kelma. Kif jgħid il-Konċilju, kollox jiżvolġi ruħu “per ritus et preces”, riti u talbiet imdawwla u mogħtija l-ħajja mill-Kelma.  Madankollu l-kliem u l-ġesti, flimkien għandhom bżonn taż-żmien u ta’ l-ispazju. Il-Verb magħmul bniedem kellu bżonn ta’ żmien u spazju ukoll għall-ġesti tiegħu ta’ salvazzjoni. F’dan is-sens, il-liturġija hija l-ispazju li għandu bżonn Kristu biex jesprimi ruħu u ż-żmien biex jirrakonta lilu nnifsu.
Fil-kotba liturġiċi nsibu ta’ spiss l-espressjoni “per anni circulum” li tindika illi l-opra tas-salvazzjoni ta’ Kristu hija ċelebrazzjoni mill-Knisja matul is-sena. Il-moviment ċirkulari li jikkaratterizza ż-żmien tas-sena liturġika jindika l-progress fiż-żmien. Fil-fatt dan iż-żmien jagħtina l-possibiltà li nikkonvertu.
Imma fil-liturġija l-ispazju u ż-żmien huma suġġetti għall-ordni. Il-liturġija minn natura tagħha stess tesiġi ordni. Infatti ma teżistix  ċelebrazzjoni liturġika mingħajr rubriki li huma indikazzjonijiet  li l-Knisja tagħti, kif jixhdu l-eqdem kotba liturġiċi, għal ċelebrazzjoni sabieħa. Is-sbuħija tal-liturġija hija frott ukoll ta’ l-ordni. Għalhekk il-kotba liturġiċi jibdew dejjem bil-kelma “ordo”. L-ordni mitluba mill-liturġija tirrigwarda realtajiet differenti; mhux biss iż-żmien u l-ispazju imma anke ir-relazzjonijiet mal-persuni. Il-liturġija titlob ordni fina nfusna wkoll!
Erbgħin sena wara r-riforma liturġika mitluba mill-Konċilju Vatikan II, tajjeb li nistaqsu lilna nfusna kemm ir-riti u l-ġesti li nirreptu aħna huma tassew il-ġesti ta’ Kristu. Il-liturġija li qed niċċelebraw hija spazju mogħti lil Kristu jew lilna nfusna? Iż-żmien liturġiku huwa żmien li fih Kristu juri ruħu jew żmien vojt? Il-liturġija tagħna minbarra ordni fiċ-ċelebrazzjoni hija għajn ta’ ordni fir-rapporti tagħna ma’ l-oħrajn?
Dawn il-mistoqsijiet jgħinuna nifmhu l-essenza tal-liturġija imma niċċaraw ukoll is-sens tal-parteċipazzjoni attiva li tant insista fuqha l-Konċilju.



L-ispazji ċelebrativi


Għedna li l-liturġija għandha bżonn ta’ spazju. Xhieda ta’ dan il-bżonn ta’ spazju huma s-sinagogi tal-lhud li ġew mibdula fi knejjes insara, l-knejjes tas-Sirja, l-bażiliċi mibnija mill-Imperatur Kostantinu, l-knejjes bażilikali ta’ Ruma, l-knejjes gotiċi u barokki. Dawm kollha juruna li mill-eqdem żminijiet tal-Kristjaneżmu sal-lum l-ispazju liturġiku dejjem kien importanti għall-komunitajiet insara. Sfortunatament il-knejjes tal-lum qed jinbnew minn nies li fil-liturġija jifmhu ftit li xejn bil-konsegwenza gravi li tinbet fihom malli tiġi biex tiċċelebra fihom il-misteri qaddisa.
Il-liturġija nfatti teħtieġ post fejn tiltaqa’ l-komunità bħal ma huwa l-portiku tal-knejjes antiki. Il-liturġija tipprevedi movimenti proċessjonali u waqfiet, ġewwa u barra l-bini tal-knisja bħal fis-sahra tal-lejl qaddis tal-Għid. Iċ-ċelebrazzjoni għandha bżonn ta’ postijiet fissi, anke fl-istess struttura ta’ ġewwa l-knisja: il-fonti tal-magħmudija, s-sedja taċ-ċelebrant, l-ambone, l-altar.
L-aħjar post għar-riżerva ta’ l-Ewkaristija wara ċ-ċelebrazzjoni tagħha, tibqa’ xi  kappella laterali, skond it-tradizzjoni  antika tal-Knisja li nżammet fil-knejjes kattedrali u dawk kolleġġjali.
Ma’ dawn rridu nżidu anke spazju li kull knisja għadu jkollha għal ċelebrazzjoni dinjituża tas-sagrament tal-maħfra. Biex tkun tidher ir-rabta li hemm bejn is-sagrament tal-qrar u dak tal-magħmudija, fl-istess struttura tal-knisja, tista tiġi studjata l-possibilità ta’ kappella laterali oħra, li tkun tiġbor fiha kemm il-fonti tal-magħmudija bir-riserva għaż-żjut imqaddsa kif ukoll il-konfessjonarji għall-qrar.
Tajjeb li nżommu f’moħħna li dawn l-ispazji li semmejna mhumiex biss xi ħaġa tal-bżonn li titlob iċ-ċelebrazzjoni komunitarja tal-liturġija mqaddsa, imma manifestazzjoni tal-Knisja nnifisha, xbihat ta’ l-istess identità tagħna nisranija. Fil-fatt il-liturġija tissuponi kemm is-saċerdozju komuni tal-fidili kif ukoll l-istruttura ministerjali li Kristu ried fil-Knisja tiegħu.
Għalhekk is-sedja tas-saċerdot fil-knisja u aktar u aktar il-kattedra ta’ l-isqof fil-knisja kattedrali, trid tidher mhux bħala sempliċi siġġu biex joqgħod bil-qiegħda fuqu imma bħala l-post minn fejn f’isem Kristu, r-ras tal-Knisja li hi l-ġisem mistiku tiegħu, jgħallem u jmexxi lill-komunità nisranisja li tinġabar għaċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa.
Minn naħa l-oħra, l-fonti tal-magħmudija li kif tenna s-Sinodu, postu mhuiex fl-ispazju tal-presbiterju, fid-dehra tiegħu jrid esprimi l-ġuf tal-Knisja, li fiha kull nisrani jitwieled mill-ġdid fl-ilma u fl-Ispirtu s-Santu, huwa u jmut ma’ Kristu biex iqum miegħu għall-ħajja ġdida.
Hekk ukoll l-ambone, mżejjen bil-weraq u l-fjuri, huwa sinjal tal-qabar vojt, li jrid ifakkar lin-nisrani fit-tħabbira  tal-misteru tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu u jgħinu jimmatura fil-fidi permezz tas-smigħ attent tal-Kelma ta’ Alla, li hija tħabbira dejjiema tal-misteru ta’ l-Għid.
L-altar li fuqu jiġġedded is-sagrifiċċju tas-salib, huwa l-mejda fejn in-nisrani jgħix l-għaqda tiegħu ma’ Kristu u ma’ l-aħwa, fiċ-ċelebrazzjoni ta’l-ikla mqaddsa. Dawn l-elementi taċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, huma diġa ikona fihom infushom. Għaldaqstant rridu noqgħodu attenti li l-kontribut artistiku ma jtellifx is-sinjal oriġinali tagħhom, kif sar f’ċertu altari li saru ġodda biex ma nsemmux l-altari proviżorji fi għandna fil-maġġoranza tal-knejjes tagħna.
Elementi importanti oħra huma x-xbieha tal-Kurċifiss, ħdejn jew fuq l-altar, li għandha tkun waħda devota u artistika kif ukoll il-gandlier għall-blandun ta’ l-Għid li għandu jsib postu ħdejn l-ambone, anke matul iż-żmien tas-sena meta il-blandun magħmul mix-xemgħa (mhux pipe tal-plastic) ikun qiegħed maġenb il-fonti tal-magħmudija.
Hemm imbagħad l-Evanġeljarju għat-tħabbira tal-Vanġelu imma anke l-vażi sagri bħall-patena jew iċ-ciborium, il-kalċi, l-ampolli għall-ilma u l-inbid kif ukoll għaż-żjut imqaddsa, il-buqar u l-baċir għall-ħasil ta’ l-idejn u s-saqajn, kollha elementi li fl-għamla tagħhom għandhom ikunu artistiċi u sbieħ bla ma jtellfu xejn mis-sens oriġinali tagħhom.

Il-ġmiel tal-ħolqien
Il-liturġija tirrikjedi l-kollaborazzjoni tas-sensi tagħna, l-vista, s-smigħ, ix-xamm, is-sense of touch. Il-liturġija teħtieġ il-kontribut tax-xbihat, tal-mużika u l-kant, tad-dawl, tal-fjuri, tal-kuluri... Il-liturġija għandha bżonn ta’ elementi oħra tal-ħolqien bħall-inbid, il-ħobż, l-ilma, ż-żejt, in-nar, l-irmied...F’dan is-sens il-liturġija bħal tilqa’ fiha l-ħolqien kollu u tagħmel tagħha l-ġmiel tiegħu.
Dan jgħinna nifmhu li fil-liturġija mhux il-bniedem waħdu jfaħħar lil Alla imma l-ħolqien kollu.  Hawnhekk ta’ min isemmi l-użu tajjeb tal-fjuri li jridu jżejnu u mhux jingubraw l-ispazji taċ-ċelebrazzjoni.



Il-preparazzjoni taċ-ċelebrazzjoni


Ċelebrazzjoni sabieħa tiddependi ħafna mill-mod ta’ kif tkun ġiet ippreparata minn qabel. Għalhekk l-kotba liturġiċi mġedda wara l-Konċilju Vatikan II huma introdotti minn daħla  teoloġika-liturġika dwar ir-rit li trid tiġi studjata minn qabel. 
Tajjeb li wieħed imur fuq il-post taċ-ċelebrazzjoni minn qabel u li jniżżel bil-miktub l-affarijiet li jkun hemm bżonn għaċ-ċelebrazzjoni. L-għażla tal-persuni għall-ministeri differenti taċ-ċelebrazzjoni hija importanti u prova magħhom qabel iċ-ċelebrazzjoni hija bżonjuża.
Tkun ħaġa tajba li fil-ħin qabel ma tibda’ ċ-ċelebrazzjoni ssir preparazzjoni mmedjata permezz ta’ persuna nkarigata apposta biex tiffavorixxi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-fidili.
Il-fuljetti bil-qari tal-Kelma t’Alla, t-talb u l-kant jistgħu jkunu ta’ għajnuna imma jridu jsiru minn nies kwalifikati u madankollu qatt ma jistgħu jieħdu post il-kotba liturġiċi veri u propri.
Il-preparazzjoni xjentifika hija importanti kemm fost il-ministri ordnati kif ukoll fost il-ministri istitwiti jew inkarigati. Teżisti injuranza liturġika li ġejja minn nuqas ta’ tagħlim u li tirrifleti ruħha fil-mod ta’ kif wieħed jiċċelebra u joħloq ambjent għaċ-ċelebrazzjoni. Ir-riżultat huwa li n-nies jew tispiċċa titħawwad jew titlef kull interess fil-liturġija.



 

Konklużjoni


Bdejna billi tajna ħarsa ħafifa lejn is-sagramentalità tal-Knisja biex nifmhu l-importanza tal-ġesti fil-liturġija u b’mod partikulari tal-ġest ta’ Alla: Kristu stess li propju fiċ-ċelebrazzjoni liturġika jsir ġest tal-Knisja. Dan il-ġest fih innifsu għandu s-sbuħija tiegħu magħmula minn sempliċita u mħabba.
Is-sbuħija tal-liturġija mqaddsa hija qabel xejn is-sbuħija tas-sempliċita u ta’ l-imħabba tal-ġest ta’ Kristu li trid tidher fis-sempliċita tal-ġesti tagħna u s-sbuħija propja tas-sinjali u ta’ l-elementi tal-ħolqien li l-liturġija tqiegħed f’ordni u armonija fiż-żmien u fl-ispazju.
Għedna li s-sbuħija tal-liturġija hija l-ordni li din jirnexilha toħloq ġewwa fina, fir-rapporti tagħna ma’ ħutna, l-ordni li li l-liturġija jirnexielha toħloq fir-rapport personali tagħna ma’ Alla.
Fl-istess waqt is-sbuħija tal-liturġija hija xi ħaġa li tissuperana. Mhiex tant dik li tiġbed l-attenzjoni, li tidher permezz tal-ġesti, s-sinjali u l-elementi materjali daqskemm dik li ssir trasparenti permezz ta’ dan kollu li semmejna. F’dan is-sens, il-liturġija hija aktar sbuħija trasparenti milli sbuħija li tidher ma’ l-ewwel daqqa t’għajn.
Jekk irridu liturġija tassew sabieħa rridu nħalluha tmexxina bl-ispirtu tagħha. Is-sbuħija tal-liturġija titlob minn naħa tagħna xi ċaħda. Irridu niċhdu l-banalità, l-fantażija, l-kapriċċi tagħna. Barra minn hekk, il-liturġija rridu nagħtuha ż-żmien u l-ispazju li għandha bżonn. Bil-għaġġla, ma jistax ikollna liturġija sabieħa!
Aktar milli l-inizjattiva tagħna, l-liturġija hija l-inizjativa ta’ Alla li jkellimna permezz tal-Kelma tiegħu, tat-talb, tal-ġesti, tal-mużika, tal-kant, tad-dawl u ta’ l-elementi l-oħra li semmejna.
Bħal biċċa xogħol mużikali, l-liturġija għandha bżonn ta’ l-ispazju, taż-żmien, tas-skiet, tad-distakk minn nfusna biex il-kliem, il-ġesti u s-sinjali jkunu jistgħu jkellmuna fuq Alla. Lilu ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Fr.Anton Attard is a Franciscan Friar.

Il-liturġija hija l-inizjativa ta’ Alla li jkellimna permezz tal-Kelma tiegħu, tat-talb, tal-ġesti, tal-mużika, tal-kant, tad-dawl u ta’ elementi oħra

Anton Farrugia O.F.M.

 



 

bottom of page