top of page

Il-Kredu


Br.Benjamin Deguara O.P.

Normalment, il-Kredu jingħad waqt il-quddiesa biex nagħmlu l-Istqarrija tal-Fidi tagħna. Permezz ta’ dak li ħa naraw illum, il-Kredu jgħinna biex nifhmu iktar il-Fidi tagħna, kif wkoll, biex nkunu nistgħu naqsmu l-istess fidi mal-oħrajn. Jfakkarna wkoll li aħna kommunita’ Kristjana li twassal lura għat-twelid ta’ Ġesὺ u għall-ewwel appostli li kienu magħżula min Ġesὺ nnifsu. Fi kliem ieħor, il-Kredu huwa dak li jorbotna flimkien.
Fil-forma primarja tiegħu, il-Kredu kien sempliċiment sentenza "Sidi hu l-Mulej", bħal ma nsibu f’Rumani Kapitlu 10, vers 9. Kull mien kien jistqarr dan waqt il-magħmudija, kien jiġi meqjus bħala Kristjan.
Kuntrarju għal kif forsi jidher, il-Kredu ma ġiex miktub mill-Appostli, imma ġie ffurmat taħt istruzzjoni mill-Knisja f’Ruma. Il-forma aħħarija tiegħu, ġiet milħuqa madwar is-seklu 7, ġewwa Franża. Ġie miktub f’era fejn il-Knisja kienet qiegħda tigi mhedda kemm min ġewwa u kemm min barra, speċjalment fuq tifsir żbaljat tal-fidi. Għalhekk, il-Knisja ħasset importanza kbira li dawk li jemmnu jkun ċari fuq il-fundament ta’ dak li jemmnu fih, b’hekk ġie ffurmat il-Kredu; dak li jtina summary qasira tal-Fidi tagħna. B’dan il-ħsieb, ejja nħarsu ftit fil-qasir lejn dak li ngħidu fil-Kredu.


Jiena Nemmen
Għal fuq min eluf ta’ snin, il-Kredu kien jingħad biss bil-Latin. Il-bidu tiegħu kien, “credo in Deum”, “jiena nemmen f’Alla”. Il-kelma Kredu, ġejja propju mill-kelma latina ‘credo’. Kif turi il-kelma, hija stqarrija ta’ xi ħaġa.  Kif insibu fl-Ittra lil-Lhud Kapitlu 11, “Il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx.” Hija fidi f’persuna, Ġesὺ. Li jezisti u għadu ħaj. Mhuwiex bizzejjed li aħna nkunu nafu li xi ħaġa hija vera, imma rridu wkoll naħdmu fuqa. Il-fidi vera, tirikjedi risposta. Dak li aħna nemmnu f’qalbna, għandu wkoll jħalli effett fuq l-aġir tagħna. Biex nieħdu eżempju, waqt il-qrar aħna nkunu qegħdin nemmnu li Alla ħafrilna d-dnubiet tagħna, fl-għemil tagħna, irridu wkoll nemmnu li aħna ġejna maħfura, dak it-twemmien għandu jqanqalna fl-għemil tagħna billi jgħina ma nerggħux nidinbu.


F’Alla il-Missier li jista’ Kollox
Ħafna nies jgħidu li jemnu f’Alla, fil-bidu tal-Kredu propju nistqarru li aħna nemmnu f’Alla il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art. Aħna u nistqarru dan għandna nemmnu li Alla tagħna mhuwiex xi alla li qiegħed il-bogħod, imma Alla li qiegħed magħna, Alla li huwa ħaj, li wera lilu nnifsu lilna permezz ta’ Ibnu Ġesὺ Krisu. Permezz ta’ dan, naraw li Alla tassew jista’ kollox u sar bniedem għalina, tant li aħna nistgħu nireletaw miegħu b’mod personali, aħna nistgħu nafdaw fih u fil-wegħda tiegħu.


Li Halaq is-Sema u l-Art
Kemm il-darba ħarisna l-fuq lejn is-sema mdawla bl-istilel u rrifletejna fuq il-ġmiel u s-sbuħija ta’ xena hekk? Bl-għajnejn tal-Fidi, jiena nara wkoll l-Id ta’ Alla f’dan. Aħna qegħdin hawn, għax Alla ried li nkun hawn, kif insibu fil-Ġenesi, ġejna maħluqa xbieha ta’ Alla. Ġejna maħluqa biex nirreletaw ma’ Alla. Santu Wistin, fil-5 seklu, kiteb hekk “Inti għamiltna għalik Mulej, u qalbi ma tistriħx qabel tistriħ Fik”. Alla jinteressah ħafna min dak li ħalaq u aħna msejħa biex nieħdu ħsiebu. Aħna responsabbli għall-opri ta’ Alla.


U f’Ġesὺ Kristu, l-Iben waħdieni tiegħu
Il-qalb tal-Kristjaneżmu mhijiex xi ħaġa astratta, iżda hija persuna, Ġesὺ. L-isem Ġesὺ jfisser proprju “Alla jsalva”, mentri Kristu, hija kelma Griega ekwivalenti għal kelma Ibrajka “Messija” li tfisser “il-magħżul”.
Il-Lhud, kienu ilhom ħafna jistennew Messija, dak li jiġi u jsalvhom mill-opressjoni tar-Rumani. Għal ħafna, Ġesὺ kien dak li ser iġib lura l-paċi u s-sliem f’Iżrael u jwettaq il-profeziji li nsibu fit-Testment il-Qadim. Meta Ġesὺ ġie, kien ħafna differenti minn dak li l-Lhud bdew jistennew tant li waslu biex jitraduh u jsallbuh.
Ġesὺ huwa l-Iben waħdieni ta’ Alla. Allura meta aħna ngħidu li aħna lkoll ulied ta’ Alla, xi nkunu qegħdin nfissru? It-tifsira nsibuha f’San Pawl, fejn jgħidilna li Ġesὺ huwa l-iben naturali ta’ Alla, filwaqt li aħna li nemmnu aħna tfal adottati. Fil-vanġelu ta’ Ġwanni naraw biċ-ċar l’identità tar-rieda li taqbel perfettament bejn Alla u l-Iben, relazzjoni unika.
Huwa mpossibli għalina biex nifhmu kif inhu Alla, pero l-Bibbja tgħidilna li jekk nħarsu lejn Ġesὺ, aħna nistgħu naraw hekk kif inhu Alla, hekk kif nsibu fl-Ittra lill-Lhud, Kapitlu 1 vers 3, “Hu, l-Iben, li hu d-dija tal-glorja ta’ Alla u x-xbieha tal-essenza tiegħu, u li jżomm id-dinja kollha bil-kelma setgħana tiegħu, wara li naddafna minn dnubietna, qagħad fuq il-lemin tal-kobor ta’ Alla fl-għoli tas-smewwiet.”
Sidna; li kien ikkonċeput mill-Ispirtu s-Santu; twieled mill-verġni Marija.
Fit-Testment il-Qadim, l-isem ta’ Alla Jahwah kien meqjus bħala wisq qaddis biex jiġi pronunzjat. Meta ġew meqluba mill-Lhud għal-Grieg, il-kelma Jahweh ġiet mibdula għall-kyrios – ‘is-Sid’; dan kien it-terminu użat biex jirreferu għall-isem qaddis ta’ Alla. Fl-Istorja nsibu li Josephus, storiku Lhudi, jgħid lill-Lhud ma kienux jsejħu l-imperatur Ruman ‘kyrios’, jiġifieri sid, għaliex kienu juzaw dak it-terminu biss għal Alla.
Bħala Kristjani, kif ghandna napplikaw dan kollu? Jekk Ġesὺ huwa is-Sid, aħna għandna d-dmir li nfittxu li nkunu ubbidjenti għar-rieda tal-Missier, hekk kif kien Ġesὺ.
Ġesὺ twieled minn mara, umana. Huwa wkoll uman, bħali u bħalek. Kien wkoll ikonċeput mill-Ispirtu s-Santu. Mil-bidu kien mmarkat bħala uniku. Ġesὺ, bniedem u Alla, divin u uman fl-istess ħin. Il-wild minn verġni kkonferma il-profeziji tat-Testment il-Qadim.
Kieku Ġesὺ ma kienx Alla u bniedem, il-maħfra għalina kienet tkun xi ħaġa impossibli. Kieku hu biss raġel, kien jkun parti mill-problema tagħna, kieku hu Alla biss ma kienx jkollu (nsejhula hekk) esperjenza ta’ emozzjonijiet umani. Ġesὺ huwa medjatur u pont. Fi kliem ieħor, fl-inkarnazzjoni. Ġesὺ huwa Alla u bniedem perfett, għalhekk għandu l-kapaċita’ li jerġa’ jgħaqqadna ma’ Alla.
Ġesὺ jifhem id-djufija tagħna, u għalhekk nistghu npoġġu t-tentazzjoni tagħna quddiemu. Hekk kif nsibu fl-Ittra lil-Lhud Kapitlu 4, versi 15 u 16, “Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f'kollox, minbarra d-dnub. Ħa nersqu, mela, b'qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f'waqtha l-grazzja li neħtieġu.”


Bata taħt Ponzju Pilatu; sallbuh, miet u difnuh; niżel bejn l-imwiet.

Il-Kredu issa jirrakkonta serje ta’ avvenimenti fejn juru li Ġesὺ kien tassew uman, magħmul minn ġisem u d-demm. Fit-Testment il-Ġdid naraw lil Ġesὺ jsofri u jwettaq il-profeziji tat-Testment il-Qadim li juri l-qaddej li jbati, jsofri, li ġie minfud minn lanza u ġarr fuqu it-tpattija ta’ dnubietna.

Ġesὺ huwa dak li jsofri magħna, ħdejna. Minflok jimbottana ‘l bogħod minnu, lil Ġesù nistgħu nsibuh fis-sofferenza. Li d-dinja tiċħad lil Ġesὺ, ma jfissirx li Ġesὺ jiċħad lilna.

Wara Pilatu, naslu għax-xena tal-Kalvarju. It-tislib kien l-aktar mod barbaru li kienu jużaw ir-Rumani biex iżommu ‘l bogħod ir-ribelljonijiet, billi jagħtu ezempju ta’ kif wiehed kien jispicca meta’ jeħoda kontra l-Imperu. Il-vitma kienet tiġi msawta u sfurzata ġġorr biċċa mis-salib fuq il-post ta’t-tislib. Hemm l-idejn tal-vitma kienu jiġu msammra u imbagħad jiġi mwaqqaf mas-salib. B’dan il-mod kien  jmut minn nuqqas ta’ nifs. Dan kollu Ġesὺ sofrih għalina, huwa ġarr is-salib għalina, huwa ħabba l-iskandlu tas-salib li ħafna jħarsu lejn l-verita’ ta’ Ġesὺ bħala xi ħaġa tal-boloh.

Pero, il-bibbja mijiex biss li Ġesὺ miet minħabba li ġie msallab. Il-vera sinjal tal-mewt ta’ Ġesὺ, huwa li Ġesὺ miet għal dnubietna. Ġesὺ nizel bejn l-imwiet, naraw li Ġesὺ verament miet u b’hekk qasam
magħna dak kollu li rridu ngħaddu minnu aħna. Għalkhemm kien Alla, kellu jduq il-mewt, bħalna lkoll. Kien tassew bniedem. Alla u bniedem. 

Kif kont tħossok int kieku rajt lil Ġesὺ jmut? Bħad-dixxipli? Abbandunat? Iddisprat? Fallut?



U fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet.
Il-qawmien minn bejn l-imwiet juri lil Ġesὺ bħala uniku. Ġesὺ m’huwiex bniedem ieħor jsofri tbatija u ingustizja taħt gvern oppresiv; huwa l-Iben ta’ Alla, jbati għalina, għal dnubietna. 

Is-Salib juri l-imħabba li Ġesὺ għandu għalina. Permezz ta’ dan aħna ġejna msejħa biex naqsmu fit-teżor li Alla għandu għalina bħala ulied adottivi tiegħu. Ġesὺ huwa l-ewwel frott tal-qawmien.

Huwa propju l-qawmien ta’ Ġesὺ li jpoġġi r-religjon Kristjana f’differenza minn reliġjonijiet oħrajn. Bħal ma jgħid San Pawl “U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi ta’għkom, u intom għadkom fi
dnubietkom”. Il-futur tagħna huwa wiehed ta’ tama, għaliex Ġesὺ qam. 



Tela’ fis-smewwiet u qiegħed bilqeghda fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla.

Id-dinja li qegħdin ngħixu fiha hija biss passaġġ, m’hijiex id-dar tagħna. Aħna qegħdin fid-dinja, imma mhux ta’ din id-dinja. Irridu noqogħdu attenti li ma naqgħux fl-idolatrji li toffri din id-dinja u
nħallu affarijiet materjali jieħdu l-post tal-veru Alla fil-qalb tagħna. Il-ħarsien tagħna għandu jkun dejjem lejn is-sema, viżjoni eskatoloġika. Tgħinna niftakru li aħna ma  ħniex iddestinati biex nibqħu ngħixu hawn, imma mmorru wara Ġesὺ li tela’ fis-sema qabilna biex iħejjilna post. Huwa qiegħed jistenniena. Ġesὺ li ġie fid-dinja biex jerġaż jgħaqqadna ma’ Alla, issa qiegħed fis-sema biex ikun il-medjatur tagħna.
U għandu jerġa jiġi biex jagħmel ħaq mil-ħajjin u mil-mejtin
Issa nħarsu lejn il-futur. It-tieni miġja ta’ Ġesὺ, ir-ritorn tiegħu. B’din l-aħħar miġja tiegħu fuq din l-art, il-ġudizzju jseħħ. Fl-Ittra lil-Lhud Kapitlu 9 versi 27 u 28, nsibu “U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet ta’l-kotra, għad jerġa' jidher darb'oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.”


Nemmen fl-Ispirtu s-Santu
Kemm fil-Lhudi u anke fil-Grieg, il-kelma ‘nifs’ u ‘spirtu’ għandhom l-istess tifsira. Il-Bibbja tgħidilna li l-Ispirtu huwa persuna, fl-Atti u fl-Ittra lil Efesin nsibu xi definizjonijiet li jistgħu juruna dan. “U tnikktux l-Ispirtu s-Santu…”, “… gdibt lill-Ispirtu s-Santu…”, “… u dejjem waqaftulu lill-Ispirtu s-Santu”.
L-Ispirtu s-Santu huwa it-tielet persuna tat-Trinita’. Alla li huwa kommunita’ ta’ mħabba.
Hu jagħti l-ħajja. Li tirċievi l-Ispirtu s-Santu hija l-marka li inti sirt Kristjan, is-siġill jew evidenza ta’r-relazzjoni ġdida tagħna ma Alla. Hu, jiġifiri l-Ispirtu s-Santu, jeħlisna min dnubietna u jerġa jressaqna qrib lejn Ġesὺ’. Jagħtina s-saħħa biex ngħixu ħajja Kristjana.
L-Ispirtu s-Santu, paraklitu… l-avukat tagħna, li qiegħed dejjem magħna biex jgħina. Ġesὺ ħalla lid-dixxipli tiegħu, izda bgħat lill-Ispirtu s-Santu biex jkun dejjem magħhom, magħna.


Knisja mqaddsa Kattolika
Fit-Testment il-Gdid, il-kelma Griega ‘ekklesia’ li tfisser ‘knisja’ dejjem tireferi għal grupp ta’ nies u qatt għal bini jew post. Literalment tfisser dawk li huma msejħa.
Li tkun qaddis tfisser li tkun differenti jew mogħti għal Alla. Importanti li wieħed jżomm f’qalbu li dan mhuwiex għaliex jistħoq lil xi ħadd, imma grazzi għal fidi tagħna li nemnu fix-xogħol li wettaq Ġesὺ permezz tas-salib. Permezz tal-grazzja, aħna għandna ngħixu ħajja li jixraq li nisejħu li aħna nagħmlu parti mil-knisja.
Meta’ nitgħamdu, aħna nsiru parti mil-ġisem ta’ Ġesὺ’.
Ix-xirka ta’l-Qaddisin
Bħala Kristjani, aħna msejħa għal qdusija, mhux għal mertu tagħna imma għal dak li Ġesὺ għamel għalina. It-tjubija tiegħu għandu tkun għalina ta’ eżempju, bħal ma kienet għal ħafna qaddisin.
Min huma il-qaddisin? Aħna għandna ħabtu nħarsu lejhom u npoġġuhom fuq xi pedestal. Le, il-qaddisin kienu nies mogħtija lil Alla f’faqar u għotja totali.


Il-maħfra tad-dnubiet
Din is-sempliċi sentenza għandi tifsira kbira. Ġesὺ’ x’kiseb għalina permezz tas-salib?
Hekk kif jgħidilna Isaija, d-dnub jifridna min Alla. Jkisser ir-relazzjoni tagħna mieghu. Bil-ħila tagħna ma niksbu xejn, għalhekk Ġesὺ’ kiseb għalina il-mahfra tad-dnubietna fuq is-salib. Dan huwa it-twemmin tagħna. Ġesὺ ħelisna mil-jasar tad-dnub u reġa għaqqadna ma Alla. Alla għamel dan bis-sagriffiċju ta’ ibnu stess.
Li wieħed jaħfer hija xi ħaġa diffiċli biex nofru jew naċettaw, imma bħala Kristjani, dixxipli ta’ Kristu, aħna msejħa biex nagħmlu dan.
Il-qawmien mill-imwiet u l-ħajja taż-żmien li ġej
Din mhijiex xi ħaga tal-futur; bħala Kristjani aħna diġa għandna l-possibilita’ li nesperjenzaw din l-imħabba kbira ta’ Alla lejna, permezz tal-Ispirtu meta aħna nieħdu sehem fl-Ewkaristija.
Il-ħajja taż-żmien li ġej; ser jkun hemm dinja ġdida, mhijiex xi ħaġa tal-fantasmi, imma ser tkun realta fizika.
Is-soċjeta tibża mill-mewt, għalhekk nevitaw li naħsbu fuq il-ġenna u l-affarijiet relatati magħha. Pero il-ġenna, hija fl-aħħar mill-aħħar il-goal tal-Kristjan. Ma tantx nistgħu ngħidu fuq il-ġenna, li nistgħu ngħidu huwa zgur li ser tkun aħjar min dak l-aħjar li aħna nistgħu nimaġinaw.
CS Lewis jsejjaħ din il-ħajja preżenti bħala ‘Shadowlands’. Il-vera avventura għada ġejja.
Il-Kredu jispiċċa b’kelma, AMEN. Din tfakarna lill-Kredu hija talba daqs kemm hi ‘a statement of belief’… Ejja Mulej Ġesὺ.

Br.Benjamin Deguara is a Dominican Novice. He posses a National Diploma in Software Programming.

Kieku Ġesὺ ma kienx Alla u bniedem, il-maħfra għalina kienet tkun xi ħaġa impossibli.

Benjamin Deguara O.P.

 



 

bottom of page