top of page

​VALUR PASTORALI - LITURĠIKU TAS-SAGRAMENTI


Patri Frank Borg O.P.

 

 

Definizzjoni u valur pastorali tas-Sagramenti

Kapitlu III tal-Kostituzzjoni “Sacrosanctum Concilium”, dwar il-Liturġija, iġib it-titlu: “De ceteris sacramentis et de sacramentalibus” – ‘Is-Sagramenti l-oħra u s-Sagramentali’. U l-artiklu 59 jagħtina definizzjoni tas-Sagramenti. Iżda hawn nistaqsu: din id-definizzjoni tgħodd għas-sagramenti kollha jew għas-sitta l-oħra, barra l-Ewkaristija?

Ċertament, it-titlu “Is-sagramenti l-oħra” hu relattiv għat-titlu tal-kap ta’ qabel, Kap II: “De Sacrosancto Eucharistiae Mysterio”: ‘Il-Misteru Mqaddes ta’ l-Ewkaristija’. Waqt li l-Konċilju ta’ Trentu jġib it-titlu: “Doctrina... de sanctissimo Missae Sacrificio”  – ‘Tagħlim fuq is-sagrifiċċju mqaddes tal-Quddiesa’, il-Kostituzzjoni tuża l-kelma “Misteru ta’ l-Ewkaristija”. B’hekk il-Konċilju ried iħoll il-problema ta’ l-ambigwita’: l-Ewkaristija hi sagrament jew sagrifiċċju? Il-Kostituzzjoni taqbel mal-preżentazzjoni tomistika li dejjem tara fl-Ewkaristija “is-Sagrament” li hu fl-istess ħin “Sagrifiċċju” u “Ikla”: “Convivium sacrificale”. Id-definizzjoni ta’ l-Ewkaristija, fl-artiklu 47, mingħajr ma tħalli barra l-aspett ta’ “sagrifiċċju”, li anzi tqiegħed fl-ewwel linja, tinsisti fl-istess ħin fuq in-natura ta’ “sagrament”, tikkwota l-antifona “O sacrum convivium” – ‘O Ikla mqaddsa’, li fiha nsibu t-tliet tifsiriet, jew dimensjonijiet, tas-sagramenti, li, waqt li jolqtu lil kull sagrament   jolqtu ‘a fortiori’ s-sagrament “per eccelenza”, l-Ewkaristija.

Minn dan nikkonkludu li, biex nifhmu xinhuma s-sagramenti skond il-Konċilju Vatikan II, irridu nistudjaw mhux biss l-artiklu 59, f’Kapitlu III, iżda wkoll l-artiklu 47, f’Kapitlu II.


A. Art. 47: “Is-Salvatur tagħna, fl-aħħar Ikla, fil-lejl li fih kien ittradut, waqqaf is-sagrifiċċju ewkaristiku tal-Ġisem u d-Demm tiegħu biex is-sagrifiċċju tas-salib jibqa’, jiġġedded tul iż-żminijiet, sa ma jiġi, u wkoll biex iħalli lill-Knisja, l-Għarusa maħbuba tiegħu, it-tifkira tal-mewt u l-qawmien tiegħu: sagrament ta’ l-imħabba, għelm tal-għaqda, rabta ta’ karità, l-Ikla tal-Għid li fiha nirċievu ‘l Kristu, ir-ruħ timtela bil-grazzja u jingħatalna r-rahan tal-glorja li ġejja.”

F’din id-definizzjoni, barra l-aspett ta’ sagrifiċċju, insibu l-aspett sagramentali ta’ l-Ewkaristija, hija:
- sagrament ta’ l-imħabba,
- għelm tal-għaqda,
- rabta ta’ karità,
- Ikla tal-Għid, ta’ Kristu,
- Kawża tal-grazzja,
- Rahan tal-glorja ta’ dejjem.

U hawn insibu t-tliet dimensjonijiet jew relazzjonijiet li jgħoddu għal kull sagrament:
 relazzjoni ma’ l-imgħoddi, bħala għemejjel ta’ Kristu;
 relazzjoni mal-preżent, bħala għemejjel tal-Knisja li hi l-kontinwazzjoni u t-tiġdid ta’ l-għemil ta’ Kristu: għemil ta’ grazzja;
 relazzjoni mal-ġejjieni, bħala għemejjel li jħejjuna għall-glorja ta’ dejjem: u dan hu l-valur eskatoloġiku tas-sagramenti.

Minn dan li għidt s’issa ġa jidher ċar li s-sagramenti, skond din il-viżjoni tal-Vatikan II, fl-art. 47 tas-S.C., mhumiex ikkonsidrati bħala “oġġetti” (sinjali: ilma, ħobż, inbid...), iżda primarjament u prinċipalment bħala “għemejjel”. U hawn il-Konċilju mexa mad-duttrina ta’ San Tumas.

B. Art. 59: Dan l-artiklu hu aktar ċar u espliċitu. Jagħtina tabilħaqq definizzjoni tas-sagramenti “per finem”, mill-għan tagħhom, li juri ċar in-natura tas-sagramenti. L-artiklu, difatti, jibda bil-kliem: “Is-sagramenti għandhom bħala għan...” B’hekk, mill-ġdid, is-sagramenti huma definiti bħala “għemejjel u mhux bħala “oġġetti”. Difatti “oġġett” ma tistax tiddefinih mill-“finis” (għan), għax oġġett jista’ jintuża għal għanijiet differrenti; per eżempju martell jista’ jintuża biex tkisser jew issewwi, tibni jew tħott. Waqt li għemil tiddefinih mill-fini (jew għan) li lejh hu dirett.

U hawn insibu t-tliet finijiet ta’ l-għemil sagramentali:
L-ewwel: “Il-qdusija tal-bnedmin”. Is-sagrament jidħol fl-ordni tas-santifikazzjoni. Skond San Tumas , is-sagrament mhuwiex sempiċi “sinjal ta’ realta’ sagra (qaddisa)”, iżda hu “sinjal ta’ realtà  sagra inkwantu li din tqaddes lill-bnedmin”. Is-sinjal sagramentali hu għemil li jressaq il-bniedem lejn Alla, permezz ta’ Kristu, l-Awtur tegħu, u permezz tal-Knisja li tamministrah. Is-sagramenti huma għemejjel li jlaqqgħuna ma’ Alla, il-għajn ta’ kull qdusija; anzi huma “laqgħa effikaċi”, jiġifieri li twettaq “b’mod kawżali” l-qdusija tal-bniedem.

It-tieni: “it-tiswir tal-Ġisem ta’ Kristu”. Il-qdusija li s-sagramenti jwettqu fil-bniedem hi “individwali”, fis-sens li l-individwu, in-nisrani ‘personalment’ jitaddes. Iżda din mhijiex “strettament” individwali. Għax meta n-nisrani jitqaddes, jitqaddes bħala membru tal-Knisja, il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, u għalhekk il-Ġisem kollu jkun qed jissawwar, jinbena, jitqawwa, jissaħħaħ. L-Għemil sgaramentali tal-magħmudija, per eżempju, jiswa mhux biss għall-qdusija ta’ dak l-individwu, iżda wkoll biex tikber il-Knisja Universali fin-numru u fil-qdusija. L-istess ħaġa ngħidu għal kull azzjoni oħra sagramentali.

It-tielet: “il-qima ‘l Alla”. Fl-aħħarnett, il-finalita’ ta’ l-għemil sagramentali mhijiex “antropoċentrika” biss: mhijiex iċċentrata biss fuq il-bniedem. Hemm fini ieħor. Difatti, il-liturġija kollha kemm hi għandha żewġ skopijiet: il-qima ‘l Alla u l-qdusija tal-bniedem.  Hekk ukoll is-sagramenti, bħala parti ewlenija tal-liturġija, għandhom bħala għan mhux biss il-qdusija tal-bniedem imma wkoll il-kult divin: il-qima lil Alla. Filfatt, dawn iż-żewġ finijiet tas-sagramenti jingħaqdu f’wieħed.

Ta’ min josserva hawnhekk li waqt li għal ħafna u ħafna snin it-teoloġi u l-katekisti kienu jinsistu biss fuq il-valur tas-sagramenti li jqaddsu l-bniedem, il-Konċilju ried jinsisti wkoll fuq il-valur kultwali: għax waqt li l-bniedem jitqaddes, ikun qed jagħti l-għola qima lil Alla. U dan il-valur ta’ l-għemil sagramentali jfissru tajjeb San Tumas.

L-artiklu 59 tal-Kostituzzjoni Liturġika jkompli juri xinhuma l-għemejjel sagramentali meta jżid:
L-ewwel: “bħala sinjali, huma jiswew ukoll biex jgħallmu”. Fil-kanoni n.731 tal-Kodiċi l-antik tad-Dritt Kanoniku, billi dan kien biss test ġuridiku, dan l-aspett pastorali tas-sagramenti kien imħolli barra; konna naqraw biss li s-sagramenti huma “praecipua sanctificationis et salutis media”. Iżda fil-perspettiva liturġika u pastorali, dan l-aspett didattiku jidher evidenti. Ukoll fir-ritwal ruman ta’ qabel ir-riforma ta’ Vatikan II naqraw: “In sacramentorum administratione (celebrans) eorum virtutem, usum, ac utilitatem, et caerimoniorum significationes, ut Concilium Tridentinum praecepit (Sess. XXIV: 2 Nov. 1563, can.7), ex sanctorum patrum et cathecismi romani doctrina, ubi commode fieri potest, diligenter explicabit”.  U dwar dan wieħed jista’ jara S. Theol. III, q. 62, art. 5; q. 63, art.6). Bħal kull sinjal ieħor, is-sagramenti għandhom qawwa li jgħallmu. Ir-riti, simboli, testi, formoli għandhom jitfissru biex hekk jilħqu l-iskop tagħhom: li jgħallmu lil dawk li jirċevuhom u jieħdu sehem fihom.

It-tieni: Is-sagramenti huma għemejjel li “jinħtieġu (jissoponu) l-fidi”; għalhekk huma msejħin “sagramenti tal-fidi”. “Għax qabel ma l-bnedmin jistgħu jersqu lejn il-liturġija, jinħtieġ li jkunu msejħa biex jemmnu ...”  Il-fidi tiġi qabel is-sagramenti għax hi “donum Dei”. San  Basilju, fit-Trattat fuq l-Ispirtu s-Santu (12,28), jgħid hekk: “Il-fidi u l-magħmudija huma żewġ mezzi tas-salvazzjoni li jiddependu minn xulxin u ma jinħallux: għax il-fidi titwettaq bil-magħmudija. U l-magħmudija titwaqqaf fuq il-fidi; u l-istess ħaġa ssib il-milja tagħha biż-żewġ ħwejjeġ... L-ewwel tiġi l-istqarrija tal-fidi li twassal għas-salvazzjoni; warajha tiġi l-magħmudija li tissiġilla l-istqarrija tagħna għall-patt”. Is-sagramenti jissoponu l-fidi li tagħha huma “stqarrija”. Skond San Tumas , l-insara, permezz tas-sagramenti “jagħtu xhieda tal-fidi”.

Iżda fl-istess ħin, is-sagramenti “jsaħħuha” l-fidi, “iqawwuha u jfissruha”. “Ifissruha” bil-kliem u l-għemejjel infushom tas-sagramenti.

It-tielet: Is-sagramenti huma għemejjel li “jagħtu l-grazzja”. Hawn jidher il-karattru (jew natura) dinamika, attiva tas-sagramenti, u s-siwi effikaċi tagħhom. Iżda l-grazzja ma tingħatax b’mod mekkaniku u maġiku. Is-sagramenti nfushom “iħejju wisq tajjeb lill-fidili biex jirċievu din l-istess grazzja bil-frott, ħalli jqimu ‘l Alla u jħaddmu l-imħabba”. Il-qima ‘l Alla tidher ukoll fl-għemejjel ta’ l-imħabba, inkella s-sagramenti ma jilħqux il-għan tagħhom: “it-tiswir tal-Ġisem ta’ Kristu.”

Mifhuma b’dan il-mod, l-għemejjel sagramentali ma jkunux biss “validi”, iżda minnhom ukoll jittieħed ħafna ġid . Għalkemm is-sagramenti jġibu l-grazzja “ex opere operato”, jiġifieri minnhom infushom bħala għemejjel ta’ Kristu, min-naħa tal-fidili jinħtieġ li jkun hemm tħejjija xierqa: fidi sħiħa u mħabba.

U t-tisħib tal-fidili kollha fis-sagramenti m’għandux ikun biss “ħaj” (Piju X), u “mifhum” (Piju XII), iżda wkoll “faċli” b’mod li “il-fidili jifhmu bla tbatija”... U dan ikun meħtieġ għall-prattika aktar ta’ sikwit, u li tagħti aktar frott, tas-sagramenti.

Fi ftit kliem, skond l-artiklu 59 tal-Kostituzzjoni Liturġika, is-sagramenti huma: “Għemejjel ta’ Kristu, imwettqin mill-Knisja, li bihom il-bniedem jitqaddes, jissawwar il-Ġisem ta’ Kristu, u tingħata qima ‘l Alla. Bħala sinjali, is-sagramenti jiswew ukoll biex jgħallmu. Huma jinħtieġu l-fidi u fl-istess ħin isaħħuha u jfissruha. Huma jagħtu l-grazzja u jħejju lill-fidili biex jilqgħu din il-grazzja bi frott kotran.”

B’hekk naraw il-bidla fil-kunċett tas-sagramenti: minn dak ta’ oġġett għal dak ta’ għemil (ergon); u dan juri aktar ċar il-valur dinamiku u l-qawwa effikaċi tas-sagramenti.

a) Valur Pastorali tas-sagramenti

Dwar dan titkellem il-Kostituzzjoni Liturġika, fl-art. 61, 11, 14, 1, 10. Neżaminawhom ftit.

- L-art. 61 jippreżenta s-sagramenti bħala sinjali u kawżi tal-grazzja; l-effikaċita’ tagħhom qegħdin filli jqaddsu kważi kull ġrajja tal-ħajja tal-fidili. Mela l-liturġija hawn tidher qed tinfluwenza l-ħajja nisranija kollha.
- Għalhekk fl-art. 11  l-istess dokument iwissi lir-rgħajja ta’ l-erwieħ biex fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija ma jfittxux biss il-validita’, iżda wkoll is-siwi pastorali u jfittxu li miċ-ċelebrazzjoni jinkiseb frott kotran.
- L-art. 14 imbagħad ifakkar: “ir-rgħajja ta’ l-erwieħ, fix-xogħol tagħhom pastorali, għandhom ifittxu dan is-sehem ħaj... tal-fidili bil-għajnuna ta’ tagħlim xieraq.

Dwar it-tħejjija pastorali u kateketika qabel is-sagramenti, speċjalment fil-każ ta’ Magħmudija u Griżma ta’ l-Isqof, insibu insistenza fit-“Tagħrif ta’ Qabel” ir-rit il-ġdid ta’ dawn is-sagramenti. Dwar dan, tajjeb li niftakru fit-twissijiet tal-Konċilju ta’ Trentu li dwaru tkellimna aktar ‘il fuq.


     b) Valur Pastorali tas-Sagramentali

Niġu issa għas-sagramentali. X’inhuma s-sagramentali?

L-artiklu 60 tas-Sacrosanctum Concilium, jibda d-definizzjoni b’din is-sentenza: “Barra min dan, Ommna l-Knisja Mqaddsa waqqfet is-sagramentali”.  ...

Wieħed jistaqsi jekk hijiex ħaġa essenzjali li s-sagramentali jkunu mwaqqfin mill-Knisja. Minn min huma mwaqqfin, fil-fatt? X’uħud huma, bil-maqlub, imwaqqfin minn Kristu nnifsu, bħalma huma “il-Ħasil tar-riġlejn” (Ħamis ix-Xirka filgħaxija) u “Il-Missierna”. Mela x’ingħidu?

Din id-diffikulta’ ġejja minn tifsira żbaljata tal-kelma “twaqqaf”. F’dak li għandu x’jaqsam mas-sagramenti din il-kelma ma tfissirx “tibda, toħloq, twaqqaf fi żmien determinat”, iżda tfisser: “tagħti valur u qawwa (effikaċita’)”. U hekk is-sagramentali li semmejna (“il-Ħasil tar-riġlejn” u “il-Missierna”) għandhom tassew dinjita’ għolja, billi ġew mgħallma lilna minn Kristu, iżda l-qawwa tagħhom li tqaddes, “bħala sagramentali”, ġejja mill-fatt li l-Knisja laqgħethom u daħħlithom fil-liturġija, u b’hekk saru għemejjel tal-Knisja. Huma għandhom qawwa “bit-talb tal-Knisja”, waqt li s-sagramenti huma għemejjel ta’ Kristu, u l-qawwa tagħhom taħdem “ex opere operato”.

L-artiklu 60 jissokta hekk: “Dawn (is-sagramentali) huma sinjali mqaddsa li, f’xebħ mas-sagramenti, ifissru u, bil-qawwa tat-talb tal-Knisja, jaqilgħu effetti fuq kollox spiritwali”. Id-definizzjoni ta’ dan l-artiklu taqbel mal-Kanoni 1166 tal-Kodiċi l-ġdid tad-Dritt Kanoniku. “F’xebħ mas-sagramenti” hija sentenza vaga. Iġġiegħlek taħseb li s-sagramentali huma “sagramenti imperfetti”. Iżda le; f’xebħ” ifisser li hemm “analoġija” bejn it-tnejn. Hemm “analoġija attributionis” billi t-tnejn għandhom il-valur ta’ l-istess kelma “sacra” – li ‘jqaddsu’. Iżda l-analoġija attributiva qiegħda hawn: is-sagramenti jwettqu din il-qdusija “immediate, directe”, waqt li s-sagramentali jwettquha “dispositive”. Bejn “sagramenti” u “sagramentali” hemm ukoll “analoġija proportionalitatis propriae”. Dak li s-sagramenti huma f’relazzjoni ma’ Kristu, is-sagramentali huma f’relazzjoni mal-Knisja. Dawk iwettqu l-effett “ex opere operato”, jiġifieri “ex opere operantis Christi”, waqt li dawn iwettqu l-effett “ex opere operantis Ecclesiae.”

Il-KostituzzjoniLiturġika tissokta tgħid: “Dawn huma sinjali... ifissru u, bil-qawwa tat-talb tal-Knisja, jaqilgħu effetti fuq kollox Spiritwali”. B’hekk tidher aħjar l-analoġija, ix-xebħ. U qabel ma l-Kostituzzjoni titħaddet dwar is-sagramenti wieħed wieħed, tgħid xinhuma s-sagramentali. B’hekk dawn jidħlu bħala “pars integralis” ta’ l-organiżmu sagramentali, għax, kif ingħad: “Bihom il-bnedmin jitħejjew biex jaqilgħu l-effett ewlieni tas-sagramenti.” Is-sagramentali jixbhu s-sagramenti: iħejju għall-istess effett, il-grazzja tas-sagramenti, iżda b’mod subordinat. U l-preżenza tagħhom mhux talli ma ttaqqalx is-sagramenti b’żjidiet ċerimonjali, anzi turi li s-sagramenti mhumiex għemejjel ta’ maġija, iżda jaħdmu b’mod aktar ta’ frott daqskemm isibu suġġetti aktar disposti.

Fl-aħħarnett, l-artiklu 60 jgħid: “(bis-sagramentali) jitqaddsu d-diversi qagħdiet jew sitwazzjonijiet tal-ħajja.” Dan huwa wkoll il-għan tas-sagramentali: li jqaddsu l-ħajja ta’ kull jum. B’hekk tidher il-għaqda bejn il-ħajja umana u l-ħajja liturġika nisranija, bejn il-materjali u s-sagru. Is-sagramentali juru li l-ħajja nisranija liturġika tidħol saħansitra fil-ħajja ta’ ħidma professjonali, fil-ħajja tax-xogħol, fil-ħajja tal-belt u ta’ l-industrija, fil-ħajja tad-dar, fil-hena u n-niket. Dan jidher, fost ħwejjeġ oħra, fid-diversi barkiet u talbiet.



L-ISMIJIET  U  L-ORDNI TAS-SAGRAMENTI

Fil-lista tas-sagramenti, kif ngħiduha bil-Malti, hemm xi ismijiet li mhumiex eżatti jew jistgħu u jkunu aħjar.  Dawn huma:
1. Griżma ta’ l-Isqof
Ikun aħjar jekk dan is-sagrament jissejjaħ “Konfirmazzjoni”, biex hekk jidher aħjar bħala s-sagrament li jikkonferma (iwettaq u jsaħħah) lill-imgħammed fil-fidi, fil-ħajja nisranija u fil-ħidma appostolika tal-Knisja.  Difatti hekk hu msejjaħ dan is-sagrament b’ħafna ilsna oħra.  Barra dan, dan is-sagrament illum ħafna drabi jingħata mhux mill-Isqof innifsu iżda minn xi ħadd ieħor delegat minnu.

2. Tqarbin
Anki dan l-isem illum mhuwiex adattat għas-sagrament li għalih jirreferi.  Tassew li fl-imgħoddi bil-kelma “Tqarbin”konna nifhmu “sagrifiċċju, offerta”, iżda llum bil-kelma nifmu biss it-tqassim ta’l-Ewkaristija, u dan it-“tqassim”mhuwiex is-sagrament, iżda l-għoti tas-sagrament (distribuzzjoni).  I-sagrament jiġI iċċelebrat fil-Quddiesa jew fl-Ewkaristija.  Għalhekk naħseb li aħjar li dan it-tielet sagrament jibda jissejjaħ, kif fil-fatt isir: “Ewkaristija”.

3. Qrar
Dan l-isem qed jirreferi għall-isqarrija tad-dnubiet.  Hija meħtieġa din l-isqarrija, imam aktar meħtieġa qabilha l-indiema.  Għalhekk is-sagrament jissejjaħ is-sagrament tal-“Penitenza”, kelma li tfisser indiema.  Jew inkella nistgħu nsejħu dan is-sagrament mill-effett tiegħu; “Rikonċiljazzjoni “, il-ħbiberija mill-ġdid tagħna ma’Alla u mal-Knisja, wara l-maħfra ta’ Alla.

4.       L-Ordni tas-Sagramenti
L-akbar ineżattezza tinsab fl-ordni jew il-lista tas-sagramenti wara xulxin.  Bil-Malti mdorrijin ngħidu: Magħmudija, Ġriżma ta’ L-isqof, Qrar u Tqarbin, Ordni Saġri u |wieġ.  Dan l-ordni mhux eżatt.  Iżda għandna ngħidu hekk: 
MAGĦMUDIJA,KONFERMAZZJONI ( GRI|MA), EWKARISTIJA, PENITENZA (RIKONĊILJAZZJONI ) …   u ser nfisser għaliex:
It-tliet sagramenti: Magħmudija, Konfirmazzjoni, Ewkaristija, huma t-tliet sagramenti tal-Bidu tal-ħajja Nisranija.  Fil-qedem dawn is-sagramenti kienu dejjem jingħataw flimkien, fl-istess rit liturġiku.  Hekk għadu jsir fost l-insara tal-Lvant.  U meta jitgħamend wieħed kbir hekk ukoll isir fir-Rit Ruman. L-ordni ma jinżammx meta jitgħammdu t-trabi.  F’dan il-każ, fir-rit Ruman tingħata biss il-Magħmudija u s-sagramenti l-oħra jingħataw meta t-tfal jikbru.  B’hekk jiġri li t-tfal jirċievu l-ewwel tqarbina qabel il-Konfirmazzjoni, u s-sagrament tal-penitenza (Qrar) jirċevuh qabel it-tqarbin.  Imma dan il-fatt ma jħassarx l-ordni tas-sagramenti.  Difatti l-Magħmudija titlob li warajha tiġi l-Konfirmazzjoni, li twettaq in-nisrani fil-għaqda ma’ Kristu. U l-quċċata tal-formazzjoni nisranija tintlaħaq bl-Ewkaristija, il-għaqda l-aktar perfetta ma’ Kristu.  Imbgħad is-sagrament tal-penitenza jew rikonċiljazzjoni (qrar) jiġi r-raba’ wieħed fl-ordni tas-sagramenti, għax hu s-sagrament li jsewwi l-ħsara li ssir fin-nisrani bid-dnub, iġib mill-ġdid il-maħfra u l-ħbiberija ma’Alla, u għalhekk jissejjaħ “it-tieni  Magħmudija’’.

Ta’ min josserva li dan l-ordni tas-sagramenti: Magħmudija, Konfirmazzjoni, Ewkaristija, Penitenza – Rikonċiljazzjoni… inżamm fil-lingwi l-oħra.  Għalhekk bl-ingliż jingħad hekk: Baptism, Confirmation, Eucharist, Penance…

Biex nagħlaq ngħid hekk. Is-sagramenti u s-sagramentali huma għemejjel ta’ Kristu u tal-Knisja. Dawn huma f’rabta ta’ kontinwita’ ma’ l-għemejjel tal-Knisja li tevanġelizza, tgħallem, tifforma u teduka. U għalhekk evanġelizazzjoni u għemejjel sagramentali mhumiex żewġ għemejjel jew ħidmiet differenti jew separati. Il-ħidma ta’ evanġelizazzjoni għandha timmira lejn il-ħajja sagramentali li fiha l-insara jsibu l-Ikla Sostanzjali: Ġesu’ Kristu.



BIBLJOGRAFIJA :

CHUPUNGCO  A.  J.,   Handbook  For  Liturgical  Studies, Vol. III :  The Eucharist, 
Collegeville 1999; Vol. IV:  The Sacraments and Sacramentals, Collegeville 
2000.

MARTIMORT  A.G.,  The  Church  at  Prayer,  Vol. II  : The Eucharist; Vol. III : The
Sacraments, The Liturgical  Press,  Collegeville,  Minnesota  1987.

RAMSHAW   G., Liturgical  Language,  keeping  it  metaphoric, making it 
Inclusive,  The  Liturgical  Press,  Collegeville,  Minnesota  1996.

VAGAGGINI   C.,   The Theological  Dimensions  of the  Liturgy,  The  Liturgical
        Press, Collegeville,  Minnesota   1976.

Il-Kostituzzjoni  Sacrosanctum  Concilium,  dwar il-Liturġija,  Lux  Press  1966.

“Liturgiam  Authenticam”,  Fifth  Instruction, by the  Congregation  for  Divine
Worship  and  the  Discipline  of the  Sacraments,  Vatican, 28th March,    
2001.

The  Code  of  Canon  Law  :  A  Text  and  Commentary,  New  York  :  Paulist 
         Press  1985.



L-Artiklu kien meħud mit-85 edizzjoni tal-Knisja 2000 bil-permess tal-awtur u tal-pubblikatur

Fr.Frank Borg is a Dominican friar serving as Vittoriosa's prior. He has a Diploma in Social Ethics from the University of Oxford and another in Post Graduate Education from the University of Malta. He holds also a Licentiate in Sacred Theology and another one in Sacred Litrugy from  from the Pontifical Litrugical Institue of St.Anselm in Rome.

Is-Sagramenti mhumiex ikkonsidrati bħala “oġġetti” (sinjali: ilma, ħobż, inbid...), iżda primarjament u prinċipalment bħala “għemejjel”.

Frank Borg O.P.

 



 

Nimxu wara Kristu!  Dan hu l-privileġġ speċjali tagħna l-Kristjani u s-sejħa tagħna li aħna ta’ Kristu.  Li nagħrafuh u nimxu warajh, affaxxinati mill-ġibda tiegħu u mis-sejħa li jagħmlilna: Imxu warajja.
Is-sejħa ta’ Kristu biex nimxu warajh titlob minna ċerti mpennji u dawn jinkludu dawn it-tlieta: (1) li nfittxu dejjem aktar li nsiru nafuh skond kif hu jrid li nkunu nafuh; (2) li nkunu familjari ma’ l-ambjenti li hu għanihom bil-preżenza l-aktar speċjali tiegħu, fosthom il-liturġija qaddisa; u (3) li ma nkunu sodisfatti qatt b’dak li naslu biex nagħmlu, ma ngħidu qatt “issa għejjejt” fejn tidħol is-sejħa tagħna li nimxu wara Kristu u ma nehdew qatt nistinkaw sabiex minn dixxipli li nimxu “wara” Kristu nsiru dixxipli li ngħixu “fi” Kristu.Tabilħaqq, it-triq tas-sagramenti mhix biss pellegrinaġġ “wara” Kristu għax hi fiha nfisha esperjenza li tinserina “fi” Kristu.
Daqs kemm hu veru li l-kelmiet ta’ Kristu “Imxu warajja” jinstabu, taħt sura jew oħra, fil-kotba tal-Vanġelu, daqstant ieħor hu veru li l-ewwel espressjoni tagħhom tinstab fis-sagramenti u speċjalment f’dak is-sagrament li hu l-għajn tas-sagramenti kollha, l-Ewkaristija.  Xi jfissru l-kelmiet “Agħmlu dan b’tifkira tiegħu” jekk mhux “Imxu warajja”!
Is-sagramenti huma minnhom infushom espressjoni tas-sejħa ta’ Kristu biex nimxu warajh.  Fit-twaqqif tal-Magħmudija isejħilna biex inħallu lilna nfusna nitnisslu għal twelid ġdid.  Fil-Konfermazzjoni isejħilna biex nilqgħu d-don tal-maturità li tesprimi ruħha fl-attiviżmu apostoliku u missjunarju u saħansitra fil-martirju.  L-Ewkaristija hija s-sejħa għall-perfezzjoni fl-imħabba ma’ Kristu u ma’ xulxin.  Kull sagrament hu sejħa biex nimxu wara Kristu, sejħa li tesiġi tweġiba.  Għalhekk, fl-istudju tas-sagramenti niskopru lil Kristu, il-prijoritajiet tiegħu, il-veru persuna tiegħu.  Bis-sagramenti nsiru nafuh skond kif Hu jridna li nkunu nafuh.  U għalhekk nimxu warajh skond kif Hu jridna li nimxu warajh!

bottom of page