Għaliex twaqqfu s-Sagramenti
Mgr. George Frendo O.P. u P. Ġwann Fredno O.P.

Għalfejn twaqqfu s-sagramenti?
a) Għall-qdusija tal-bnedmin
Kif jgħallem S. Tumas t’Akwinu, is-sagramenti jidħlu fl-ordni tal-qdusija. Iżda x’inhi l-qdusija? Qabel xejn Alla hu “Qaddis”; il-qdusija, fil-milja tagħha, tinsab f’Alla, kif ngħidu fil-Glorija: “Int waħdek Qaddis”. Iżda din il-qdusija li tinsab fil-milja tagħha, f’Alla, il-bniedem jista’ jkollu sehem minnha billi jersaq lejn Alla u Alla jgħammar fih. Mela meta ngħidu li bis-sagramenti l-bniedem jikseb il-qdusija, nifhmu li bihom il-bniedem jersaq lejn Alla, jiltaqa’ miegħu, u Alla jagħtih sehem mill-qdusija u t-tjieba tiegħu: din hi l-grazzja.
b) Għat-tiswir tal-Gisem ta’ Kristu
Il-qdusija li s-sagramenti jġibu fil-bniedem hi qabel xejn “individwali”: il-bniedem “individwu” (jien, int), jitqaddes. Iżda l-bniedem jitqaddes fil-Knisja, fil-għaqda tal-fidili, il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu li tiegħu aħna membri. Għalhekk it-tieni għan tas-sagramenti hu “it-tiswir tal-Ġisem ta’ Kristu”. Meta l-bniedem jitqaddes bis-sagramenti, il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, li hu l-Knisja, jikber fin-numru, jissaħħaħ, jitqawwa. Għalhekk kull sagrament jinteressa l-komunita’ kollha ta’ l-insara: il-Knisja universali.
c) Biex tingħata qima ‘l Alla.
Dan hu t-tielet għan tas-sagramenti. Forsi ftit nagħtu kasu, iżda hu importanti ħafna. Għax bħalma l-liturġija kollha kemm hi għandha bħala fini l-qdusija tal-bniedem u l-qima ta’ Alla, hekk ukoll is-sagramenti. Bihom kollha tingħata qima lill-Ħallieq: għax meta l-bniedem jersaq lejn Alla u jitqaddes, Alla jkun qed jiġi miqjum, igglorifikat.
Sinjali li jgħallmu
Barra dan kollu, is-sagramenti huma wkoll “sinjali”, u għalhekk “jiswew biex jgħallmu”. Bis-sagramenti mhux biss tinkiseb il-qdusija, imma wkoll in-nisrani jsir aktar jaf ‘l Alla, il-Kelma tiegħu, il-ħajja spiritwali. Għalhekk meta jigi amministrat xi sagrament, ukoll l-ewkaristija, għandu jkun hemm xi tifsir jew kummenti, biex wieħed jifhem aħjar ir-riti, il-formoli u t-talb. U dan huwa wkoll ix-xogħol tal-katekist li jfisser dak li jsir u jingħad fl-amministrazzjoni tas-sagramenti.
Sagramenti tal-fidi
L-artiklu msemmi fuq jgħid li “is-sagramenti jinħtieġu l-fidi”, u għalhekk jissejħu “sagramenti tal-fidi”. Għax qabel ma wieħed jersaq lejn il-liturġija, jinħtieġ li jkun imsejjaħ biex jemmen. Il-fidi tiġi qabel is-sagramenti għax hi “don ta’ Alla”, mogħti b’xejn direttament minnu. Is-sagramenti jitolbu l-fidi li tagħha huma stqarrija. Ma jiswa xejn li wieħed jersaq lejn is-sagramenti jekk ma jkunx jemmen. Iżda s-sagramenti jiswew ukoll “isaħħu, iqawwu u jfissru l-fidi”.
Jagħtu l-grazzja
Fl-aħħarnett, is-sagramenti “jagħtu l-grazzja”. Hawn tidher il-qawwa sopranaturali tas-sagramenti. Iżda l-grazzja ma tingħatax b’mod mekkaniku jew maġiku. Is-sagramenti nfushom “iħejju wisq tajjeb lill-fidili biex jirċievu din l-istess grazzja bil-frott, ħalli jqimu ‘l Alla u jħaddmu l-imħabba”. U hekk is-sagramenti ma jkunux biss “validi”, iżda minnhom jinkiseb ħafna frott. Hu minnu li s-sagramenti jġibu l-grazzja “ex opere operato” jiġifieri “ex opere operantis Christi”, direttament mingħand Kristu bħala għemejjel tiegħu. Iżda min-naħa tal-bniedem jinħtieġ li jkun hemm tħejjija u dispożizzjoni: fidi u mħabba.
Minn dak kollu li għidt s’issa nistgħu ngħidu x’inhuma s-sagramenti b’dan il-kliem:
“Għemejjel ta’ Kristu, imwettqin mill-Knisja, li bihom il-bniedem jitqaddes, jissawwar il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, u tingħata qima ‘l Alla. Huma sinjali li jiswew biex jgħallmu. Huma jinħtieġu l-fidi u fl-istess ħin isaħħuha u jfissruha. Huma jagħtu l-grazzja u jħejju l-fidili biex jilqgħu din il-grazzja bi frott”.
L-Ismijiet u l-Ordni tas-Sagramenti
Fil-lista tas-sagramenti, kif ngħiduha bil-Malti, hemm xi ismijiet li mhumiex ezatti jew jistgħu jkunu ahjar. Dawn huma:
a) Grizma ta’ l-Isqof
Ikun aħjar jekk dan is-sagrament jissejjaħ “konfirmazzjoni”, biex hekk jidher aħjar bhala s-sagrament li jikkonferma (iwettaq u jsaħħaħ) lill-imgħammed fil-fidi, fil-ħajja nisranija u fil-ħidma appostolika tal-Knisja. U difatti hekk hu msejjaħ dan is-sagrament b’ħafna ilsna ohra. Barra dan, dan is-sagrament illum ħafna drabi jingħata mhux mill-Isqof innifsu iżda minn xi ħadd ieħor delegat minnu.
b) Tqarbin
Anki dan l-isem illum m’huwiex adattat għas-sagrament li għalih jirreferi. Tassew li fl-imgħoddi bil-kelma “tqarbin” konna nifhmu “sagrifiċċju, offerta”, iżda illum bil-kelma nifmu biss it-tqassim ta’ l-ewkaristija, u dan it-“tqassim” m’huwiex is-sagrament, iżda l-għoti tas-sagrament (distribuzzjoni). Is-sagrament jiġi iċċelebrat fil-quddiesa jew fl-ewkaristija. Għalhekk ikun aħjar li dan it-tielet sagrament jibda jissejjaħ “ewkaristija”.
c) Qrar
Dan l-isem qed jirreferi għall-istqarrija tad-dnubiet. Hija meħtieġa din l-istqarrija, imma aktar meħtieġa qabilha l-indiema. U għalhekk dan is-sagrament jissejjaħ is-sagrament tal-“penitenza”, kelma li tfisser indiema. Jew inkella nistgħu nsejħu dan is-sagrament mill-effett tiegħu: “rikonċiljazzjoni”, il-ħbiberija mill-ġdid tagħna ma’ Alla u mal-Knsija, wara l-maħfra ta’ Alla.
d) L-Ordni tas-Sagramenti
L-akbar ineżatteza tinsab fl-ordni jew il-lista tas-sagramenti wara xulxin. Bil-Malti ngħidu: magħmudija, griżma ta’ l-Isqof, qrar, tqarbin… Dan l-ordni mhux eżatt. Iżda għandna ngħidu hekk: MAGĦMUDIJA, KONFIRMAZZJONI (GRIŻMA), EWKARISTIJA, PENITENZA (RIKONĊILJAZZJONI)… U se nfisser għaliex:
It-tliet sagramenti: magħmudija, konfirmazzjoni, ewkaristija, huma t-tliet sagramenti ta’ l-inizjazzjoni nisranija. Fil-qedem dawn is-sagramenti kienu dejjem jingħataw flimkien, fl-istess rit liturġiku. Hekk għadu jsir fost l-insara tal-Lvant. U meta jitgħammed wieħed kbir hekk ukoll isir fir-rit Ruman. L-ordni ma jinżammx meta jitgħammdu t-trabi. F’dan il-każ, fir-rit Ruman tingħata biss il-magħmudija u s-sagramenti l-oħra jingħataw meta t-tfal jikbru. B’hekk jiġri li t-tfal jirċievu l-ewwel tqarbina qabel il-konfirmazzjoni, u s-sagrament tal-penitenza (qrar) jirċevuh qabel it-tqarbina. Imma dan il-fatt ma jħassarx l-ordni tas-sagramenti. Difatt l-magħmudija titlob li warajha tiġi l-konfirmazzjoni, li twettaq in-nisrani fl-għaqda ma’ Kristu. U l-quċċata tal-formazzjoni nisranija tintlaħaq bl-ewkaristija, il-għaqda l-aktar perfetta ma Kristu. Imbgħad is-sagrament tal-penitenza jew rikonċiljazzjoni (qrar) jigi r-raba’ wieħed fl-ordni tas-sagramenti, għax hu s-sagrament li jsewwi l-ħsara li ssir fin-nisrani bid-dnub, iġib mill-ġdid il-maħfra u l-ħbiberija ma’ Alla, u għalhekk jisejjaħ “it-tieni magħmudija”.
Ta’ min josserva li dan l-ordni tas-sagramenti: magħmudija, konfirmazzjoni, ewkaristija, penitenza – rikonċiljazzjoni… inżamm fil-lingwi l-oħra. Għalhekk bl-Ingliż jingħad hekk: baptism, confirmation, eucharist, penance…
Dan l-artiklu huwa meħud mill-Ktieb "Is-Sagramenti f'Ħajjitna" bil-permess tal-Awtur.
Bishop George Frendo is the auxiliary bishop of the Archdiocese of Tiranë-Durrës in Albania, and formerly a member of the Province of Malta.

Is-sagramenti huma wkoll “sinjali”, u għalhekk “jiswew biex jgħallmu”.
Mgr.George Frendo
