top of page

Fehma filosofika dwar ir-relazzjoni ta’ bejn il-Fidi u r-Raġuni


P. MARK MONTEBELLO O.P.​

Il-kwestjoni filosofika klassika tar-relazzjoni ta’ bejn il-Fidi u r-Raġuni tistħarreġ jekk, fl-aħħar mill-aħħar, hemmx kontradizzjoni jew kompatibbiltà bejn il-konklużjonijiet li kull waħda tasal għalihom separatament. Fi kliem ieħor, tistħarreġ jekk il-verità tal-Fidi u l-verità tar-Raġuni humiex l-istess verità jew xi veritajiet differenti. Ovvjament, kemm il-Fidi u kemm ir-Raġuni isostnu li jistgħu jaslu għall-verità, jew għallanqas għal xi veritajiet. Dan millanqas jimplika, l-ewwelnett, li huma ċerti minn dak li jsostnu li jafu, jiġifieri jafuh b’ċertezza; u t-tieni, li għandhom mod kif jaslu għal dak li jsostnu li jafu. Iżda qabel ma nistħarrġu kemm dan li jsostnu l-Fidi u r-Raġuni jagħmel sens, jidhirli li hu meħtieġ li nagħmlu xi riflessjonijiet dwar dik li kemm il-Fidi u kemm ir-Raġuni jsejjħu ‘verità’.



Veritajiet reali u irreali



Biex xi ħaġa tissejjaħ ‘vera’ jew ‘falza’, l-ewwelnett jeħtieġ li teżisti b’xi mod. Huwa twemmin qadim ħafna, rikonoxxut millanqas sa minn żmien Parmenide fir-raba’ seklu qabel Kristu, li l-bniedem m’għandux il-ħila mentali li jaħseb f’dak li ma jeżisti b’ebda mod. Aħna neċessarjament naħsbu (u ma nistgħux nagħmlu mod ieħor) dwar ħwejjeġ eżistenti. Jingħad ukoll li dawn il-ħwejjeġ eżistenti li naħsbu dwarhom jistgħu jkunu kemm reali u kemm irreali. Ngħidu aħna, jekk naħseb f’unikornu, inkun qed naħseb f’xi ħaġa li teżisti (fil-fantasija), imma li hija irreali (għax unikorni la qatt kien hawn u lanqas qatt ma jkun hawn). Għaldaqstant, dak li jissejjaħ ‘reali’ (l-oġġett tal-ħsieb) b’xi mod irid ikun jaqbel mar-realtà tal-fatti indipendentement mill-ħassieb (is-suġġett tal-ħsieb).
Fil-każ tal-unikornu mhuwiex diffiċli tikkonkludi jekk stqarrija li ssostni li xi ħadd ra xi wieħed minnhom hijiex vera jew falza, għax nafu biċ-ċert li l-eżistenza reali ta’ unikornu ma taqbilx mar-realtà tal-fatti. Imma stqarrijiet bħal dawk li jsostnu, ngħidu aħna, li Alla jeżisti, jew li xi ħadd ra fantażma, jew li teżisti dik li tissejjaħ ‘kombustjoni umana spontanja’, dawn huma ħafna aktar diffiċjli biex tikkonkludi humiex veri jew foloz; reali jew irreali. L-istess jgħodd għal stqarrijiet ta’ apprezzament, ngħidu aħna bħal dawk li jsostnu li Għawdex hi isbaħ minn Malta, jew li n-nisa jsuqu l-karozza aħjar mill-irġiel, jew li l-arti ta’ Picasso hija isbaħ minn dik ta’ Renoir.
F’dawn il-każijiet, huwa diffiċli ferm li tivverifika r-realtà tal-fatti li fuqha, presumibbilment, hija bbażata l-veriċità jew il-falzità tal-istqarrijiet. Il-kwestjoni mhijiex jekk f’dawn il-każijiet jeżistix jew le l-oġġett tal-ħsieb; għax b’xi mod, imqar fil-fantasija, jeżisti żgur. Il-kwestjoni hi jekk dak li jiġi sostnut li jeżisti għandux realtà oġġettiva, indipendentement mis-suġġett tal-ħsieb, jew huwiex sempliċiment xi ħaġa suġġettiv li jeżisti biss fil-moħħ tal-ħassieb bħala ħlieqa, fantasija, ħrafa, tbassir jew stħajjil.



L-eżistenza



Il-qalba ta’ dan li qegħdin ngħidu hawnhekk tistrieħ fuq żewġ kunċetti fundamentali: dik li nsejjħu ‘realtà’ u dik li nsejjħu ‘eżistenza’. Għall-mument, ejjew inħallu fil-ġenb realtajiet suġġettivi, jiġifieri dawk li jiddependu biss fuq is-suġġett tal-ħsieb, għax dawn hemm kriterji għalihom biex tiġġudikahom li ma jagħmlu xejn biex jiċċarawlna l-kunċett ta’ verità. Dawn ir-realtajiet suġġettivi huma biss impressjonijiet jew fehmiet ta’ dawk li jagħmluhom.
Hija r-realtà oġġettiva li ħafna drabi tiġi kkwalifikata bħala l-‘verità’, jiġifieri kull oġġett tal-ħsieb li jitqies bħala oġġettivament reali. Infatti, xi kultant tissejjaħ ukoll ‘verità oġġettiva’. Minnha nnifisha, din l-għamla ta’ realtà titqies indipendenti mis-suġġett tal-ħsieb, jiġifieri teżisti mingħajru u m’għandhiex bżonnu biex teżisti. Jingħad li, jekk jintemm għal kollox kull suġġett tal-ħsieb, din tibqa’ ma tiġix affettwata bl-iċken mod u tibqa’ kif inhi bħallikieku ma ġara xejn. Jekk tinnota, f’dan li jingħad, l-‘eżistenza oġġettiva’ u l-‘verità oġġettiva’ jissemmew u jintużaw bħallikieku kienu sinonimi għal xulxin. Imma fil-fatt, wieħed jista’ jistaqsi, x’ma jiġix affettwat bl-iċken mod u jibqa’ kif inhu bħallikieku ma ġara xejn li kieku ma jeżistix suġġett tal-ħsieb? L-eżistenza oġġettiva jew il-verità oġġettiva? Tassew li dawn it-tnejn għandhom jitqiesu sinonimi għal xulxin?
It-terminu ‘eżistenza’ jirreferi għall-affarijiet li jeżistu, bħall-ġebel, is-siġar, il-baħar, il-pjaneti, ġisimna u l-bqija. Huwa l-affarijiet li nsibu madwarna. Dawn ma ħloqnihomx aħna. Sibnihom hawn madwarna u ngħixu magħhom. L-eżistenza stess tagħhom ma tiddependix minna, għalkemm aħna tgħallimna s-sengħa li nibdlu l-għamla jew l-għadd ta’ xi wħud minnhom. Hekk, ngħidu aħna, naqtgħu l-ġebel u naħdmuh fi strutturi għall-abitazzjoni, niżirgħu s-siġar jew nivvintaw suriet ġodda, inkattru l-għadd ta’ bnedmin u l-bqija. Fi kliem ieħor, aħna nimmanipulaw il-materja prima li tipprovdilna n-natura u nibdluha għall-iskopijiet tagħna. Imma l-materja la nistgħu noħolquha mix-xejn u lanqas ma nistgħu neqirduha għal kollox. Nistgħu biss nibdluha. Dan l-għemil tagħna, fil-fatt, isegwi l-istess azzjoni naturali. Għax, bħalma ilu magħruf ħafna sa minn żmien il-qadim, il-materja fiżika la tista’ tinħoloq mix-xejn u lanqas tista’ tinqered għal kollox. Li tagħmel hu li tinbidel u tieħu għamliet ġodda. Ngħidu aħna, il-materja fiżika solida tista’ titfarrak fi bċejjeċ iżgħar, jew issir gass jew likwidu. L-istess il-materja fiżika likwida jew gassika: din tista’ tieħu għamla solida. Imma f’dan il-proċess interminabbli, xejn ma jinħoloq mix-xejn u xejn ma jinqered għal kollox.



 

Tifsir u skop

Fi kliem ieħor, l-eżistenza hi dik li hi, għallanqas f’din is-sura ta’ ħolqien li ngħixu fiha f’dan il-mument partikulari tal-istorja twila tal-univers tagħna. Prattikament, fl-istorja relattivament qasira tal-ġens uman, hi l-unika eżistenza li nafu. Din l-eżistenza hi ‘mogħtija’ lilna, fis-sens li la għażilniha aħna u lanqas nistgħu nagħżluha minn xi għamla ta’ eżistenza oħra. Hija din biss li sibna madwarna u, irridu jew ma rridux, biha rridu ngħixu. L-eżistenza hi perfettament oġġettiva.

Imma aħna l-eżistenza ‘nibdluha’ anki b’mod mhux fiżiku. Dan nagħmluh billi ninterpretawha jew nagħtuha xi għamla ta’ tifsir jew siwi. Naturalment, din il-bidla ma tagħmel xejn biex taffettwa s-sura fiżika nnifisha tal-materja. Li tagħmel hu li tqis jew tara l-eżistenza b’modi interpretattivi differenti. Hekk, ngħidu aħna, insostnu li xi ħaġa hi sabiħa jew kerha, li xi ħaġa hi kbira jew żgħira, li xi ħaġa hi perfetta jew imperfetta, li xi ħaġa hi hawn u mhux hemm, li xi ħaġa hi utli jew inutli, li xi ħaġa hi ordnata jew diżordnata, u l-bqija. Fil-fatt, nagħmlu aktar minn hekk. Insostnu, ngħidu aħna, li xi ħaġa għandha dan is-sens partikulari u mhux ieħor. Insostnu li xi ħaġa teżisti għal dan l-iskop u mhux għal xi skop ieħor.
Iżda fiha nnifisha l-eżistenza ma hi xejn minn dan kollu. L-eżistenza fiżika la għandha skop u lanqas fiha sens. Sempliċiment teżisti. Dan japplika għall-eżistenza b’mod ġenerali daqskemm għal kull parti tagħha; jgħodd għall-ħwejjeġ inanimati daqskemm għal dak kollu animat; jgħodd għall-affarijiet fihom infushom daqskemm għal kull proċess naturali li jseħħ fihom u bihom. Hekk kienet l-eżistenza sa minn dejjem u hekk tibqa’ għal dejjem: mingħajr ebda raġuni ta’ xejn għalfejn teżisti u mingħajr ebda objettiv għall-eżistenza tagħha stess. Teżisti. U daqshekk.
Huwa l-bniedem―is-suġġett tal-ħsieb―li jagħti lill-eżistenza tifsir, ixiddilha siwi u jara fiha skop, allavolja hi minnha nnifisha la għandha l-waħda u lanqas l-oħra. Il-bniedem dan jagħmlu b’mod għal kollox suġġettiv, artifiċjali u arbitrarju. Il-bniedem jagħraf u jirrikonoxxi l-eżistenza. Jilmaħha madwaru u hu konxju tagħha. Imma ma jistax jagħrafha jew jirrikonoxxiha b’mod passiv (jew ‘innoċenti’), jiġifieri mingħajr ma jimponi fuqha t-tifsir li jrid u s-siwi li jidhirlu, jew jistħajjel xi skop li għandha. Huwa dan l-għarfien u dan ir-rikonoxximent li jista’ jissejjaħ ‘realtà’.



Ir-realtà



It-terminu ‘realtà’ m’għandux jirreferi għall-eżistenza fiha nnifisha. Għandu jirreferi għal dak li l-bniedem isostni li hi l-eżistenza. Meta nirreferu għal stqarrija bħala ‘realtà’ ma nkunu qed ngħidu xejn sustantiv dwar l-oġġett tal-ħsieb. Dan huwa għal kollox indifferenti għal kull tifsir, siwi jew skop li nistgħu nagħtuh. It-terminu ‘realtà’ jgħid biss xi ħaġa dwar is-suġġett tal-ħsieb, jiġifieri fuq dak stess li jipproġetta t-tifsir, is-siwi jew skop fuq l-eżistenza oġġettiva. Dik li aħna nsejjħu ‘realtà’ ma tindikax stqarrijiet li jinkludu xi predikazzjoni oġġettiva dwar l-eżistenza; ma tgħid xejn dwar l-eżistenza fiha nnifisha. Tindika biss predikazzjoni suġġettiva, artifiċjali u arbitrarja tas-suġġett tal-ħsieb fuq xi ħaġa li jagħraf u jirrikonoxxi ‘lil hinn’ jew ‘maqtugħ’ minnu.
Dik li aħna, bħala suġġetti tal-ħsieb, nirreferu għaliha bħala ‘realtà’ hi reali għalina biss. L-eżistenza mhijiex reali għaliha nnifisha, għax la hi konxja tagħha nnifisha, la tagħraf lilha nnifisha u lanqas tirrikonoxxi lilha nnifisha. Huwa aħna, u aħna biss bħala suġġetti tal-ħsieb, li nagħmlu dan. Għalhekk dik li aħna nsejjħu ‘realtà’ hija l-eżistenza rikonoxxuta jew magħrufa. Hija reali għalina biss, għax huwa aħna biss li għandna moħħ li jagħraf li qed jagħraf; li hu konxju mill-għarfien tiegħu stess; li jirrikonoxxi li qed jagħraf. Il-bqija tal-eżistenza dan ma tagħmlux. Hija biss eżistenza, mingħajr rikonoxximent, għarfien jew tagħrif tagħha nnifisha. Għaldaqstant, ma jistax jingħad li l-eżistenza għandha xi għarfien ta’ realtà. Teżisti biss.
Mingħajrna, jiġifieri mingħajr suġġett tal-ħsieb, ma teżisti ebda realtà. Teżisti biss l-eżistenza. Neċessarjament jeħtieġ l-għarfien biex l-eżistenza tiġi kkwalifikata b’xi mod bħala realtà. Għalhekk, mingħajr għarfien―li effettivament għandu l-bniedem biss―ma nistgħux nitkellmu dwar realtà, għax sempliċiment ma tkunx teżisti. Huwa l-għarfien tagħna, il-fatt li aħna nafu li nafu, li tagħmel ir-realtà possibbli.
Minn hawn jiġi li din ir-realtà hi dejjem suġġettiva, artifiċjali u arbitrarja. Hija suġġettiva għax tiddependi biss u esklussivament fuq l-intellett tagħna bħala suġġetti tal-ħsieb. Hija artifiċjali għax l-eżistenza, b’mod naturali, ma għandha ebda realtà fiha nnifisha; għandha biss l-eżistenza tagħha nnifisha. Hija arbitrarja għax ir-rikonoxximent tal-eżistenza jsir biss fuq il-bażi ta’ informazzjoni li jipprovdilna moħħna stess, mingħajr ebda rabta mal-eżistenza nnifisha, jew anki mingħajr ma ‘jirċievi’ xejn mill-eżistenza nnifisha. Dik li nsejjħu ‘realtà’ hija purament interpretazzjoni tagħna ta’ dak li naraw u nagħarfu li jeżisti madwarna.



Ir-Raġuni



Biex niġu lura għal dak li bdejna bih, għandna ngħidu li r-Raġuni umana, meta tistqarr li qed tittratta mar-realtà, qiegħda fil-fatt tittratta biss mas-suġġettività, l-artifiċjalità u l-arbitrarjetà tagħha nnifisha. Ir-Raġuni tagħraf u tirrikonixxi l-eżistenza u tagħtiha tifsir, siwi u xi kultant skop. Ir-Raġuni hi limitata biha nnifisha. Il-fruntieri tagħha huma x-xfar tar-Raġuni stess. Dik li nsejħu ‘realtà’ tibda u tieqaf mal-limiti tal-fakultajiet mentali tagħna.
Dan japplika wkoll għal dik li nsejħu l-‘verità’. Meta r-Raġuni tagħti tifsir, siwi jew skop lill-eżistenza―u din issejħilha ‘verità’―ma tkun qed tgħid xejn dwar l-eżistenza fiha nnifisha, imma tkun biss qed issawwar f’għamla ta’ stqarrijiet dak li hi stess tkun għarfet jew irrikonoxxiet fl-eżistenza. Fi kliem ieħor, tkun qed titkellem dwarha nnifisha; dwar il-mod kif tħares lejn l-eżistenza. Għaldaqstant, bħal fil-każ tar-realtà, dik li nsejjħu ‘verità’ hi wkoll suġġettiva, artifiċjali u arbitrarja.
Dan ma jfissirx li, meta tistqarr jew isostni xi ħaġa dwar l-eżistenza, ir-Raġuni ma tkun qed tgħid xejn dwarha. Tkun qed tgħid xi ħaġa b’mod limitat u b’mod tentattiv, għax is-suġġettiviżmu tagħha, l-artifiċjalità tagħha u l-arbitrarjetà tagħha ma jistgħu jwarrbu qatt għal kollox mill-proċessi tar-raġunamenti tagħha. Barra minn hekk, kull sinjalazzjoni lingwistika li tuża biex tagħmel l-istqarrijiet tagħha hija purament frott l-arbitrarjetà tagħha. Il-qamar, ngħidu aħna, oġġettivament ma jismux ‘qamar’. Il-qamar m’għandu ebda isem. Jeżisti biss. Huwa l-bniedem li jagħtih dan l-isem. Tant hu arbitrarju dan l-isem li dak li aħna nsejjħu ‘qamar’, xi wħud isejjħulu ‘luna’, oħrajn ‘tungl’, oħrajn ‘moon’, u l-bqija. Kulħadd kif ifettillu. Dan jgħodd għas-siwi u t-tifsir li nagħtu lil din il-pjaneta u lil kull ħaġa oħra.
Jgħodd ukoll għal ġudizzji ta’ valur, bħan-numru 3, ngħidu aħna. Fl-eżistenza oġġettiva ma jeżisti ebda numru 3. Tliet pjaneti ħdejn xulxin mhumiex ‘3’; huma pjaneta, pjaneta u pjaneta. Huwa l-bniedem li jissenjalhom bħala ‘3’. Għaldaqstant, in-numru ‘3’ m’għandu ebda realtà jew verità oġġettiva separata mis-suġġett tal-ħsieb, bħalma jsostnu l-biċċa l-kbira tar-Realisti, il-Kunċettwalisti, in-Nominalisti, ix-Xettiċi u l-Konvenzjonalisti. Huwa purament suġġettiv, artifiċjali u arbitrarju.



Il-Fidi



Min-naħa l-oħra, il-Fidi ssostni li tista’ tkun taf il-verità għax jgħarrafulha Alla, inkluż l-eżistenza Tiegħu stess. Imma dan it-tagħrif qatt ma jista’ jkun sħiħ, għax inkella nkunu aħna wkoll Allat, li hu illoġiku. Għall-argument, Alla jista’ jgħarraf lill-bniedem xi ħaġa minnu nnifsu, imma ma jistax jgħarraf lill-bniedem dak kollu li Hu. It-tagħrif li presumibbilment nirċievu mingħand Alla, kemm permezz tal-ispirazzjoni u kemm permezz tar-rivelazzjoni, hu dejjem nieqes. Qatt, lanqas wara mewtna, ma nistgħu nsiru lil Alla kollu kemm hu. Għaldaqstant, kull ispirazzjoni jew rivelazzjoni li jagħtina Alla dejjem jonqos mill-verità perfetta.
Terġa’ u tgħid, jekk Alla jispirana b’xi verità jew jagħtina xi rivelazzjoni dwarha, dejjem jagħmel dan skond il-ħiliet intellettivi tagħna; skond kif kapaċi nifhmu aħna. Għalhekk Alla ma jistax jirrivelalna lilu nnifsu b’mod ‘safi’ jew kif inhu fih innfisu. Ir-rivelazzjoni tiegħu trid toqgħod dejjem għall-limitazzjonijiet mentali tagħna. Anki hawnhekk, dik li nsejħu ‘verità’ dwar Alla jew dwar l-affarijiet li jirrevelalna Hu tibda u tieqaf mal-limiti tal-fakultajiet mentali tagħna. Ma nistgħux inkunu nafu aktar minn hekk, għax m’għandniex kapaċità fakultattiva mentali għalih. Dak li nafu dwar Alla jew dwar ir-rivelazzjonijiet tiegħu, inkluż dak mogħti lilna min Ġesù Kristu nnifsu, huwa neċessarjament limitat u tentattiv. Infatti, skond l-Iskrittura stess, bħal fl-Ittra lill-Lhud (1:1-2), Alla rrevela lilu nnifsu gradwalment, skond ma l-bniedem seta’ jifhem minn żmien għal żmien. Anki r-rivelazzjoni ‘sħiħa’ permezz ta’ Ġesù, fl-istat limitat tagħna aħna ma nistgħux nagħarfuha jew nifhmuha kollha kemm hi, għax hija bil-wisq lil hinn mill-ħiliet mentali u spiritwali tagħna. Dan jgħodd għal kull ‘verità’ dommatika li aħna nistqarru. Huma modi limitati u tentattivi ta’ kif nifhmu l-kontenut tar-rivelazzjonijiet mogħtija lilna minn Alla. Xi wħud, infatti, imorru aktar ’il bogħod minn hekk u jsostnu li kull rivelazzjoni divina hija neċessarjament dwar dak li Alla mhuwiex. Bħal, ngħidu aħna, jekk hu rivelat li ‘Alla hu mħabba’, dan it-terminu ‘mħabba’ huwa hekk uman fit-tifsira u l-kontenut tiegħu li realment Alla hu kollox barra mħabba.
Naturalment, dak li ngħad aktar ’il fuq dwar is-sinjalazzjonijiet lingwistiċi li tuża r-Raġuni biex tagħmel l-istqarrijiet tagħha japplika wkoll fil-każ tas-sinjalazzjonijiet lingwistiċi li tuża l-Fidi biex tistqarr ir-rivelazzjonijiet li presumibbilment tirċievi mingħand Alla. Dawn ukoll huma purament frott l-arbitrarjetà tagħna. Ngħidu aħna, l-użu tal-kelma ‘persuna’, kemm meta wżata għas-suġġett uman u kemm meta wżata għat-tliet ‘realtajiet’ tat-Trinità Mqaddsa, hija imperfetta, difettuża u limitata. L-istess meta nużaw kliem bħal ‘sustanza’, ‘assunzjoni’, ‘trasfigurazzjoni’, ‘inkarnazzjoni’, ‘transusstanzazzjoni’, u l-bqija.



Fidi u Raġuni



Dan kollu jfisser li, kemm ir-Raġuni u kemm il-Fidi, bl-għamliet differenti tagħhom ta’ kif jipproċedu biex jiksbu t-tagħrif rispettiv tagħhom, qatt ma jistgħu jkunu jafu dik li tissejjaħ il-‘verità oġġettiva’. Din hi maqtugħa minnhom u inaċċessebbli għalihom. Jistgħu jkunu jafu kif huma jilmħu l-eżistenza ta’ ħwejjeġ lil hinn minnhom, imma mhux l-eżistenza ta’ dawn il-ħwejjeġ fihom infushom. Fil-każ tar-raġuni dawn il-ħwejjeġ huma aktarx affarijiet jew proċessi fiżiċi; fil-każ tal-Fidi, huwa Alla.
Dik li kemm il-Fidi u kemm ir-Raġuni jsejjħu ‘realtà’ jew ‘verità’ m’għandhiex x’taqsam mal-ħwejjeġ eżistenti nfushom―Alla fil-każ tal-ewwel u l-materja fil-każ tat-tieni―imma għandha x’taqsam biss mal-għarfien tagħhom infushom; dak li huma jaħsbu li jilmħu mill-pjataforma suġġettiva, artifiċjali u arbitrarja indispensabbli, essenzjali u obligatorja tagħhom.
Dan jista’ jfisser li, meta l-Fidi u r-Raġuni ma jaqblux bejniethom fuq xi ‘realtà’ jew ‘verità’ li jsostnu li jħaddnu, dan ma jgħid xejn fuq l-eżistenza li jkun hemm fl-orizzont tal-ħarsa tagħhom. Ikun qed jgħid biss xi ħaġa dwar l-għamla interpretattiva li kull waħda minnhom tkun qed tagħti ta’ dik l-eżistenza. Għaldaqstant, minkejja li ma jaqblux, jistgħu jkunu t-tnejn korretti jew anki t-tnejn żbaljati. Imma ebda waħda minnhom ma tista’ ssostni li hija hi li bilfors għandha raġun jew li l-interpretazzjoni tagħha hija bilfors dik il-korretta. It-tnejn huma interpretazzjonijiet. It-tnejn suġġettivi. It-tnejn artifiċjali. It-tnejn arbitrarji. It-tnejn ma jistgħu qatt isostnu xejn b’assolutezza, ċertezza assoluta, b’inkundizzjonalità, perfezzjoni, finalità, mingħajr riservi, totali jew b’xi mod kategoriku. Dak li jsostnu li jafu jafuh b’mod uman, imperfett, proviżjonali, restritt, inkomplet, difettuż u mhux mingħajr kwalifikazzjoni. It-tnejn ma jistgħu qatt ikunu assolutament ċerti minn dak li jsostnu li jafu jew iħaddnu. Jistgħu jkunu ċerti biss mill-fatt li jaħsbuh, imma xejn aktar minn hekk.
Grafikament, nistgħu nesprimu xi ftit minn dan li għedna b’dan il-mod:

Rivalità u inkompatibbiltà bejn Fidi u Raġuni



Fuq il-bażi ta’ dak li għedna s’issa, nistgħu naraw fil-qosor kif jistgħu r-Raġuni u l-Fidi jirrelataw ma’ xulxin. Din hija kwesjoni li ilha tħabbel moħħ il-filosfi u t-teologi sa minn żmien Platun u Aristotli u f’kull żmien ġiet ittrattata b’reqqa kbira. Minkejja dan, minn dak li se jingħad hawnisfel se tintebaħ li ħafna mill-ħassieba dejjem issaponew li l-verità oġġettiva jew l-eżistenza oġġettiva tista’ xi ftit jew wisq tkun magħrufa fiha nnifisha. F’dak li għedna hawnfuq rajna li dan mhijiex possibbli, għallanqas jekk mhux b’mod tentattiv. L-għarfien uman, kemm ta’ ħwejjeġ fiżiċi u kemm ta’ ħwejjeġ divini, huwa dejjem suġġettiv. Għalhekk, tibqa’ miftuħa għalina kwestjoni fundamentali: Minkejja l-limitazzjonijiet tagħhom, kemm huma kompatibbli għal xulxin ir-Raġuni u l-Fidi?
B’mod ġenerali, fl-istorja tal-filosofija tal-Punent, sa mill-Griegi tal-qedem sallum, wieħed jista’ jilmaħ ħames pożizzjonijiet ewlenin bħala tweġiba għal din il-mistoqsija, b’erba’ minnhom miġbura f’żewġ skejjel differenti, kif muri f’din il-grafika:

Il-filosfi u t-teologi li jqisu r-relazzjoni ta’ bejn ir-Raġuni u l-Fidi bħala waħda ta’ rivalità jew konflitt isostnu li l-iskopijiet, l-objettivi u l-metodi taż-żewġ dixxiplini huma prattikament l-istess. Għaldaqstant, dawn isostnu li meta r-Raġuni u l-Fidi jidhru li jkunu wasslu f’konklużjonijiet differenti, xi waħda minnhom tkun għamlet xi żball f’xi parti mill-proċess argumentattiv. Ta’ din ix-xeħta huma aktarx xi pożizzjonijiet li ħadu Leibniz, Spinoza, Kant u Hegel.
Il-filosfi u t-teologi li jqisu r-relazzjoni ta’ bejn ir-Raġuni u l-Fidi bħala waħda ta’ inkompatibbiltà jsostnu li l-iskopijiet, l-objettivi u l-metodi taż-żewġ dixxiplini huma għal kollox distinti u differenti minn xulxin. Dawn isostnu li filwaqt li r-Raġuni għandha x’taqsam biss ma’ realtajiet empiriċi u m’għandha x’taqsam xejn ma’ realtajiet divini, il-Fidi għandha x’taqsam biss ma’ realtajiet divini u m’għandha x’taqsam xejn ma’ realtajiet empiriċi. Il-biċċa l-kbira tan-Naturalisti Xjentifiċi ta’ din ix-xeħta ħafna drabi jinjoraw il-Fidi fl-istħarriġ tagħhom u aktarx iqisuha inkompetenti għall-finijiet empiriċi tad-dixxiplini tagħhom.
Minn-naħa l-oħra, il-filosfi u t-teologi Teisti ta’ din ix-xeħta huma ta’ żewġ suriet. Dawk tal-ewwel sura jsostnu li r-relazzjoni ta’ bejn ir-Raġuni u l-Fidi hija waħda ta’ inkompatibbiltà ġerarkika, fejn il-Fidi hija meqjusa superjuri għar-Raġuni (isejħulha ‘trans-razzjonali’). Għal dawn, ir-Raġuni kulma tagħmel hija li tiskopri ħwejjeġ li diġà huma impliċiti fil-Fidi. Ta’ din is-sura huma aktarx xi pożizzjonijiet li ħadu xi wħud mis-Santi Padri, bħal Ġustinu l-Martri u Klement ta’ Lixandra, kif ukoll Luteru, Kalvinu, Descartes u Pascal.

Kompatibbiltà bejn Fidi u Raġuni

Il-filosfi u t-teologi Teisti tat-tieni sura jsostnu li r-relazzjoni ta’ bejn ir-Raġuni u l-Fidi hi waħda ta’ esklussività: il-Fidi m’għandhiex x’taqsam mar-Raġuni, u vice versa. Infatti, dawn isostnu li fl-aħħar mill-aħħar il-Fidi hija irrazzjonali u, għaldaqstant, ’il barra għal kollox mill-għalqa tar-Raġuni. Xi kultant, din il-pożizzjoni tissejjaħ Filosofija jew Teoloġija ‘Negattiva’, għax tistqarr li aħna nistgħu nkunu nafu biss Alla x’mhuwiex mhux x’inhu. Nies ta’ din is-sura aktarx iqisu kull diskors dwar Alla bħala sempliċiment metaforiku. Ta’ din is-sura huma aktarx xi pożizzjonijiet li ħadu San Pawl (bħal f’1Kor 1:23), Tertulljanu, Sewdo-Djonisju, Maimonides, Guliermu ta’ Ockham u Erasmu fil-Medjuevu, u aktar lejn żmienna Schleiermacher, A.J. Ayer, Antony Flew, Wittgenstein u Barth.
Il-filosfi u t-teologi li jqisu r-relazzjoni ta’ bejn ir-Raġuni u l-Fidi bħala waħda ta’ kompatibbiltà jsostnu li ż-żewġ dixxiplini jistgħu jimxu id f’id b’ċerta komplimentarjetà, armonija u anki, xi kultant, qbil. Hemm ħassieba ta’ żewġ suriet f’din ix-xeħta ta’ ħsieb. Hemm dawk li jqisu r-relazzjoni kompatibbli ta’ bejn ir-Raġuni u l-Fidi b’mod ‘ħafif’ jew ‘dgħajjef’, u dawk li jqisuha b’mod ‘qawwi’ jew ‘b’saħħitha’. Tal-ewwel isostnu li, minkejja l-metodi diversi li jħaddnu rispettivament, il-Fidi u r-Raġuni jista’ jkollhom relazzjoni ta’ djalogu bejniethom, fejn it-tnejn jirrispettaw lil xulxin filwaqt li jistqarru l-limitazzjonijiet rispettivi li huma għandhom. Ta’ din is-sura huma aktarx xi pożizzjonijiet li ħadu l-Istojċi u l-Epikurjani fil-qedem, Averroes u Skotu fil-Medjuevu, kif ukoll Locke u Hume, u aktar lejn żmienna Durkheim u teologi tal-Liberazzjoni bħal Segundo, Boff u Gutiérrez.
Tat-tieni sura―forsi l-aktar segwita fil-Kattoliċità uffiċjali u ortodossa―isostnu li l-Fidi u r-Raġuni għandhom sies fundamentali identiku, fejn bosta artikli tat-twemmin jistgħu jiġu ppruvati mir-Raġuni u ħafna affarijiet xjentifiċi jistgħu jingħataw tifsir teoloġiku. Xi wħud ta’ din ix-xeħta saħansitra ppruvaw jibnu viżjoni ġenerali li ġġib flimkien il-Fidi u r-Raġuni f’sistema metafiżika komprensiva. Ta’ din is-sura huma aktarx xi pożizzjonijiet li ħadu Platun, Aristotli u Plotinu fil-qedem, San Pawl (bħal f’Rum 1:20), San Anselm u Santu Wistin, ukoll fil-Medjuevu Avicenna, Pietru Lombardu u San Tumas t’Akwinu, kif ukoll aktar lejn żmienna Kierkegaard, Rahner, Newman, Tillich u Schillebeeckx.



Xejriet u gwidi



Ta’ min jgħid li, fil-perjodu kollu li fih ġiet mistħarrġa r-relazzjoni ta’ bejn ir-Raġuni u l-Fidi, kien hemm tisħiq differenti għala dan l-istħarriġ interessa lill-filosfi u t-teologi. Fiż-żmien klassiku, it-tisħiq kien donnu l-aktar fuq il-lat metafiżiku tal-Fidi u kif dan kien jorbot mal-osservazzjonijiet empiriċi, u vice versa. Fiż-żmien tal-Kristjanità bikrija t-tisħiq kien donnu l-aktar fuq il-lat dommatiku tal-Fidi u kif dan kien jorbot mal-għajxien etiku, u vice versa. Fiż-żmien Medjevali t-tisħiq kien donnu għal darba oħra l-aktar fuq il-lat metafiżiku tal-Fidi u kif dan kien jorbot, mhux tant mal-osservazzjonijiet empiriċi, kif kien fiż-żmien klassiku, daqskemm mal-loġika naturali, u vice versa. Fiż-żmien Rinaxximentali, meta x-xjenzi empiriċi bdew jistabbilixxu lilhom infushom fuq saqajn aktar sodi, it-tisħiq kien donnu l-aktar fuq il-lat Skritturali tal-Fidi u kif dan kien jorbot mal-iskoperti xjentifiċi, u vice versa. Fiż-żmien Illuminista t-tisħiq kien donnu l-aktar fuq il-lat morali tal-Fidi u kif dan kien jorbot mal-organizzazzjoni soċjali u politika, u vice versa. Fiż-żmien aktar reċenti, ngħidu aħna fis-seklu 19, it-tisħiq kien donnu l-aktar fuq il-lat mistiku tal-Fidi u kif dan kien jorbot mal-esperjenzi storiċi umani, u vice versa. Fis-seklu 20, u tista’ tgħid fi żmienna llum, it-tisħiq kien donnu għal darba oħra l-aktar fuq il-lat morali tal-Fidi u kif dan jorbot mal-prattika etika tax-xjenza, u vice versa.
Wieħed jista’ jinnota wkoll li, filwaqt li, bejn wieħed u l-ieħor wara s-seklu 18, ix-xeħta li tqis il-Fidi u r-Raġuni f’relazzjoni ta’ rivalità donnha naqqset mill-popolarità li kellha sa mis-seklu 16, fil-Medjuevu kibret ħafna x-xeħta li tqis ir-relazzjoni ta’ bejniethom bħala waħda ta’ kompatibbiltà. Din ix-xeħta aktarx hija anqas fi żmienna u l-proċess donnu beda, bejn wieħed u l-ieħor, minn nofs is-seklu 20. Illum, jista’ jkun anki minħabba l-firxa tat-teknoloġika elettronika u l-iżvilupp ta’ ekonomija globalizzata, aktarx jidher li aħna bħallikieku aktar qed nersqu lejn dik ix-xeħta li tqis ir-relazzjoni ta’ bejn il-Fidi u r-Raġuni bħala waħda ta’ inkompatibbiltà, fejn il-Fidi titqies irrazzjonali jew trans-razzjonali.
Dan jista’ jindikalna li t-tisħiq tal-filosfi u t-teologi Teisti, naturalment inkluż dawk Kattoliċi, aktarx aktar għandu jfittex li joħroġ aħjar għad-dawl il-lat mistiku tal-Fidi u kif dan għandu jorbot mhux tant mal-morali daqskemm mal-aġir etiku. Kif saħqu l-Papiet minn Ġwanni XXIII sallum, id-dinja li qegħdin ngħixu fiha aktarx donnha teħtieġ li tara aktar xhieda konkreta tal-Fidi bbażata fuq esperjenza personali qawwija tad-divin, kemm fuq il-livell individwali kif ukoll fuq il-livell komunitarju. Dan jista’ jfisser li l-prattiki reliġjużi, bħala atti sempliċiment esterjuri tat-twemmin, kemm fuq il-livell personali kif ukoll fuq il-livell kollettiv jew parrokkjali, tilfu ħafna mill-appell u l-attrazzjoni tagħhom f’termini ta’ xhieda evanġelika.
Bħalma rajna, ir-relazzjoni ta’ bejn il-Fidi u r-Raġuni hija dejjem fi stat ta’ tibdil u, quddiem l-isfida kontinwa tal-evanġelizzazzjoni, ma nistgħux ma nagħtux każ la ta’ dan it-tibdil u wisq anqas tal-istat li fih tinsab din ir-relazzjoni llum fil-kundizzjonijiet storiċi tas-soċjetà tagħna.

Mark Montebello is a Dominican priest with some 25 years experience committed to social issues. He is a Phd graduate from the Dominican University, The Angelicum

Terġa’ u tgħid, jekk Alla jispirana b’xi verità jew jagħtina xi rivelazzjoni dwarha, dejjem jagħmel dan skond il-ħiliet intellettivi tagħna; skond kif kapaċi nifhmu aħna. Għalhekk Alla ma jistax jirrivelalna lilu nnifsu b’mod ‘safi’ jew kif inhu fih innfisu.

Mark Montebello O.P.

 



 

bottom of page